Join Us On:

News Archive

LEJLET IS-SOLENNITÀ

Minn hawn u ftit tal-ħin ieħor, sewwasew fis-6.30pm tibda t-Translazzjoni Solenni tar-Relikwa ta’ San Ġorġ mill-Knisja ta’ San Ġakbu sal-Bażilika Urbana ppreseduta mill-E.T. Mons. Mario Grech Isqof t’Għawdex u Dekan tal-Kolleġġjata.  Ftit qabel, il-Banda Ċittadina La Stella takkumpanja l-purċissoni tat-translazzjoni b’marċ minn Triq ir-Repubblika sa Pjazza San Ġorġ.

Illejla imbagħad għandna programm ippakkjat b’kunċert grandjuż mill-Banda Ċittadina King’s Own tal-Belt Valletta li jibda fit-8pm, taħt id-direzzjoni ta’ Dr. John Galea, u fid-9.30pm l-eżekuzzjoni tal-innu immortali A San Giorgio Martire (1931) mill-Banda Ċittadina La Stella, taħt id-direzzjoi ta’ Mro Sigmund Mifsud.

Għal xi l-10pm marċ singolari u kolossali bis-sehem tal-Banda Ċittadina La Stella u l-Banda Ċittadina King’s Own li matulu jdoqqu ‘massed band’.  Wara spettaklu tal-logħob tan-Nar tal-Art fi Triq ir-Repubblika.

Intant il-bieraħ filgħaxija beltna assistit għall-programm ieħor kbir.  Fid-9pm ġie eżegwit l-innu Su Garzoni (1894) mill-Banda Ċittadina La Stella, taħt id-direzzjoni ta’ Mro Sigmund Mifsud bis-sehem tal-Kor tat-Teatru Astra tat-Tfal Piccole Stelle immexxija minn Ms Sylvana Cini.  Ħadet sehem ukoll is-sopran Ruth Portelli.

Dritt wara marċ granduż bl-istatwa ta’ San Ġorġ Rebbiegħ mill-Banda Ċittadina La Stella u l-Banda Nazionale La Valette fejn taw spettaklu bid-daqq ta’ marċijiet popolari.  Hekk kif l-istatwa ta’ San Ġorġ ittellet fuq il-pedestall kien hemm spettaklu tan-nar sinkronizzat mal-mużika fi Pjazza Indipendenza, imtella’ mill-Għaqda Żgħażagħ La Stella.

(Ritratti: Anton Farrugia, George Borg)