LEJLET IS-SOLENNITÀ
Illum is-Sibt, lejlet is-solennità, għandna ġurnata ppakkjata daqs bajda. Dalgħodu fl-10am għandna Konċelebrazzjoni Pontifikali ta’ tmiem it-Tridu Mqaddes mill-E.T. Mons. Pawlu Cremona, Arċisqof Emeritu ta’ Malta. Fil-11am fl-istess Bażilika għandna wkoll il-launch tal-ktieb il-ġdid dwar il-kuntratt tal-istatwa ta’ San Ġorġ, tas-Sur Anthony Farrugia.
Tard wara nofsinhar, qabel it-Translazzjoni Solenni, il-Banda Ċittadina La Stella tilqa’ lill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof t’Għawdex b’marċ mill-Palazz Veskovili sal-Bażilika. Il-marċ jibda fis-6pm u t-Translazzjoni fis-6.30pm. Fit-7.45pm ikun hemm il-Barka Ewkaristika minn Mons. Ġużeppi Farrugia, Arċipriet Emeritu, u dritt wara fit-8pm programm mużikali fi Pjazza San Ġorġ mill-Banda King’s Own tal-Belt Valletta taħt id-direzzjoni ta’ Mro Dr. John Galea. Fid-9.30pm eżekuzzjoni fi Pjazza San Ġorġ tal-Innu Immortali A San Giorgio Martire (1931) mill-Banda Ċittadina La Stella taħt id-direzzjoni tas-Surmast il-Prof. Joseph Vella. Fl-10pm marċ singulari u kolossali bis-sehem taż-żewġ baned li jdoqqu flimkien bħala massed band.
Intant il-Ħamis li għadda kienet ġurnata oħra ta’ suċċess għal din il-festa unika fejn għal darba oħra l-poplu mela kull rokna ta’ Pjazza Savina fejn assista għall-feature awdjo-viżiv u t-tlugħ tal-istatwa popolari ta’ San Ġorġ Patrun ta’ Għawdex. Il-bieraħ, minkejja s-sħana tremenda li kien hemm, in-nies xorta ħarġu bi ħġarhom biex isellmu ‘l San Ġorġ Rebbieħ. Wara l-eżekuzzjoni tal-innu Su Garzoni ġo Pjazza San Ġorġ taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella, bis-sehem tal-Kor tat-Tfal tat-Teatru Astra Piccole Stelle, il-banda sabet postha quddiem l-istatwa ta’ San Ġorġ. Ftit qabel is-siegħa ta’ filgħodu l-istatwa kapolavur ta’ Vincenzo Cremona sabet postha fuq il-pedestall monumentali fost il-kant tal-innu marċ. Akkumpanjaw id-dimostrazzjoni l-Banda Ċittadina La Stella u l-Banda Aniċi ta’ Ħal-Qormi.