LEJLA MALTIJA F’SAN MIKIEL
Bħalma għamlet fis-snin l-imgħoddija, l-Għaqda tal-Armar tal-Festa ta’ San Ġorġ, fi ħdan is-Soċjeta’ Filarmonika La Stella, ser tkun qed torganiżża Lejla Maltija fl-okkażjoni ta’ Jum San Mikiel, nhar il-Ġimgħa, 27 ta’ Settembru, fit-8.00pm, fi Pjazza San Ġorġ.
Karatteristika ewlenija li tiddistingwi din l-attivita’ minn ikliet oħra li s-Soċjeta’ minn żmien għal żmien torganiżża matul is-sena, hija t-tisjir tal-majjal imdawwar direttament fuq il-ħatab fl-istess pjazza. Il-mistiedna speċjali għal din l-okkażjoni hija l-band leġġendarja The Tramps, band mill-aktar popolari f’Għawdex, li llum il-ġurnata hija mmexxija minn Spiro Sillato.
Il-biljetti għal din l-attivita’ jiswew €15.00 u jistgħu jinkisbu mill-bar tal-każin tal-banda La Stella, mingħand Frank Schembri ta’ Vajrinġa Supermarket, mingħand Sammy Rapa ta’ Ta’ Salvina Supermarket, minn Kafe’ San Ġorġ jew mingħand il-membri tal-Kumitat.
Minn dan is-sit inħeġġukom tirrispondu għall-istedina li s-Soċjeta’ qed tagħmel lill-partitarji tagħha, billi nipparteċipaw bi ħġarna f’din l-attivita’ u f’attivitajiet simili sabiex, waqt li niddevertu flimkien, inkunu qed nagħtu l-kontribut tagħna lis-Soċjeta’ sabiex tkun tista’ tiffinanzja l-ispejjeż kbar li jirrikjedu l-festi esterni ta’ San Ġorġ.