LAPIDA KOMMEMORATTIVA BIEX TFAKKAR PATRI AKKURSJU XERRI
Il-bieraħ filgħaxija, fuq inizjattiva tal-Fondazzjoni Belt Victoria, inkixfet lapida kommemorattiva għad unur Patri Akkursju Xerri, Franġiskan u Ġorġjan li jibqa mfakkar kemm għall-imħabba li kellu lejn Għawdex kif ukoll għall-wirt uniku li ħallielna fil-versi tal-innu popolari “Lill-Kbir Martri San Ġorġ” jew kif magħruf minn kulħadd “Ġorġi tagħna.”
Fuq stedina ta’ Monsinjur Ġużeppi Farrugia, fundatur-direttur tal-Fondazzjoni Belt Victoria u Arċipriet Emeritu tal-Bażilika ta’ San Ġorġ, il-lapida inkixfet mis-Sur Paul M Cassar, President tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, u tbierket mill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof t’Għawdex u Dekan tal-Kolleġġjata Ġorġjana.
Is-serata, li bdiet dritt wara l-Pontifikal, kient indirizzata mis-Sur Antoine Vassallo, Dr. Paul Pisani, Mons. Guzeppi Farrugia, kif ukoll mill-E.T. Mons. Mario Grech. Ħadu sehem ukoll il-Banda Ċittadina La Stella, fejn daqqet l-innu popolari “Ġorġi Tagħna”, il-Kor tat-Teatru Astra Piccole Stelle, u l-Victoria Scouts Group. Fil-bidu kien hemm ukoll feature awdjo-viżiv fuq Patri Akkursju mħejji minn Dun Geoffrey George Attard u ħuh Francesco Pio. Dun Attard qara wkoll poeżija tal-okkażjoni.
Wara, l-Banda tagħna kompliet bis-servizz tagħha billi akkumpanjat l-istatwa ta’ San Ġorġ ta’ Austin Camilleri, mill-pjazza sal-każin fejn daqqet marċijiet festivi għall-okkażjoni. Għall-okkażjoni l-pjazzetta li fiha tqiegħdet il-lapida żżejnet minn membri tal-Għaqda Armar La Stella.
Il-lapida monumentali saret fuq inizjattiva ta’ Monsinjur Farrugia, li hu d-Direttur Spiritwali tal-Banda la Stella, u nkitbet minnu.
(Ritratti: Toni Farrugia)