LA TRAVIATA – PRODUZZJONI GRANDJUŻA GĦALL-ANNIVERSARJU TAT-TEATRU ASTRA
Għal darba oħra t-Teatru Astra rnexxielu jipproduċi opra ta’ livell għoli mmens, li tagħmel ġieħ kbir lil kull min kien involut. Kienet produzzjoni denja tal-anniversarju tal-50 sena mill-ftuħ tat-teatru quddiem sala ippakkjata nies għaż-żewġ rappreżentazzjonijiet, fostom numru kbir ta’ barranin, Maltin u Għawdxin u mistiedna distinti. Dan huwa unur kbir għat-teatru tagħna, li minkejja l-50 sena li għaddew, għad għandu l-għatx biex ikompli jipperfezzjona l-produzzjonijiet tiegħu, li kif jgħidulna esperti barranin fil-qasam, issa ‘laħaq livell professjonali u tal-aqwa kwalità’.
Grazzi lil dawk kollha li sena wara sena joħonqu t-teatru tagħna bil-preżenza tagħhom għaż-żewġ rappreżentazzjonijiet tal-opra li nagħmlu. L-akbar konferma tal-kwalità tal-prodott tagħna hija l-preżenza kostanti tagħkom. GRAZZI MILL-QALB MINN GĦAND IT-TIM ‘TEATRU ASTRA’. Irridu ngħidu li d-direttur artistiku Enrico Stinchelli kien strumentali fil-qabża ta’ kwalità li saret fl-aħħar snin. Huwa rnexxielu jżewweġ it-tradizzjoni tal-opra flimkien mal-użu tat-tekonoloġija b’mod mill-aktar fin u pjaċevoli.
Ix-xhur ta’ xogħol li sar fuq din l-opra, kemm minn naħħa artistika kif ukoll dik amministrattiva, ħalla l-frott mixtieq. Grazzi lil dawk kollha li taw il-ħin u l-enerġija tagħhom. It-Teatru Astra huwa dak li hu llum għax hemm intom ilkoll, tim magħqud f’kull sezzjoni.
Ringrazzjament speċjali jmur ukoll lil dawk l-isponsors minn ditti privati li mingħajrom l-opra ma ssirx. B’mod speċjali nirringrazzjaw lill-Ministeru għal Għawdex u l-Programm ta’ Appoġġ Kulturali ta’ Għawdex amministrat mill-Arts Council Malta u l-istess Ministeru għal Għawdex.
Għafas din il-link għall-lista kompluta wara l-produzzoni La Traviata.
(Ritratti: Joe Attard)