Join Us On:

News Archive

LA STELLA SOLOISTS, WIND AND BRASS ENSEMBLES

Is-Sibt 5 ta’ Novembru kienet ġurnata importanti għall-Banda La Stella peress li nżamm l-appuntament ta’ kull sena "La Stella Soloists, Wind and Brass Ensembles" bħala parti mill-attivitajiet tal-Festival Mediterranea 2011.

L-Aula, sa minn qabel il-ħin tal-bidu tal-kunċert, kienet ippakkjata bin-nies. Is-siġġijiet li kien hemm disponibbli imtlew mal-ewwel u kien baqa’ daqshekk ieħor bil-wieqfa.  Dan huwa ta’ sodisfazzjon kbir għad-diriġenti tal-Banda kif ukoll għall-bandisti nfushom li dejjem jaħdmu biex itejbu l-livell mużikali tagħhom.

Il-Kunċert beda bis-solista George Camilleri fuq l-Euphonium, segwit minn Robert Buttigieg fuq it-Trumpet fejn daqqew 2nd Movement (Romanza) mill-Euphonium Concerto u My Heat at thy Sweet Voice minn Samson et Dalilah, rispettivament. Eżattament wara reġa’ daqq George Camilleri varjazzjonijiet mill-opra Norma, inkluża l-famuża Casta Diva.  Il-biċċiet li daqqew dawn is-solisti kienu akkumpanjati bil-pionoforte minn Dr. Maria Frendo.

Wara kien imiss l-interpretazzjoni ta’ Robert Mallia, Mario Attard, Joe Cini u Patricia Refalo, ilkoll fuq is-Saxophone fejn esegwew siltiet minn Mozart. Il-grupp tal-klarinetti kien magħmul minn George Apap, Noel Beck, Mario Galea u Silvio Cini fuq il-Bass Clarinett.  Dawn daqqew siltiet varji fosthom it-Te Deum ta’ Charpentier, Death and the Maiden ta’ Schubert u Tritsch-Tratsch Polka ta’ Strauss.

Fl-aħħar daqqew Robert Buttigieg, Clint Gatt u Nathaniel Zammit fuq it-Trumpet, Aaron Cini fuq it-Trombone, George Camilleri u Anton Sacco fuq l-Euphonium, Ino Attard fuq il-Baritone Horn u Antoine Micallef fuq it-Tuba.  Dawn esegwew fi gruppi differenti diversi biċċiet fosthom The Three American Dances ta’ Amos u Rags for Brass Quintet (a) The Girl in Blue (b) Tag and Bobtail Rag ta’ Coleby

Bħalma ġa ktibna kien ta’ sodisfazzjoni kbir għas-Soċjetà Filarmonika La Stella u l-banda tagħha, li bħalma dejjem ngħidu hija l-qalb tas-Soċjetà, tara żgħażagħ jitgħallmu dejjem aktar u jesprimu l-kapaċitajiet quddiem udjenzi importanti.

Għal kunċert kien hemm preżenti wkoll; membri tal-kumitat inkluż il-President is-Sur Paul Zammit, is-Surmast Prof. Joseph Vella, l-Arċipriet Mons. Paul Cardona u Mons. Gużeppi Farrugia, direttur spiritwali tas-Soċjetà, bosta attivisti, familjari, barranin u divesi Maltin li kien fostna fil-weekend.

Din kienet attività fil-kalendarju tal-Festival Mediterranea 2011 li jkompli sejjer sas-19 ta’ Novembru 2011 meta fit-Teatru Astra jsir il-kunċert annwali mill-Banda La Stella taħt id-direzzjoni tas-Surmast Prof Joseph Vella.  Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel fuq 21550985 jew 79256897 jew iżur is-sit elettroniku www.mediterranea.com.mt.

 (Ritratti: Joe Attard)