Join Us On:

News Archive

L-OPRA ‘TURANDOT’ FUQ IL CORRIERE DEL TEATRO

Hekk kif bħalissa jinsabu għaddejjin l-aħħar tħejjijiet qabel jitħabbar uffiċjalment il-programm tat-tmien edizzjoni ta’ Festival Mediterranea, is-suċċess grandjuż li ntlaħaq is-sena li għaddiet bil-produzzjoni tal-opra Turandot, għadu fuq fomm kulħadd. 

Il-magazine Taljan Corriere Del Teatro fl-ewwel ħarġa tiegħu għas-sena 2009, ta ħarsa wkoll lejn l-opra lirika Turandot li ttellgħet f’Ottubru li għadda fit-teatru tagħna. Din ir-rivista tiġbor fiha artikli dwar diversi produzzjonijiet teatrali u kunċerti kbar li jsiru fl-Ewropa fix-xhur ta’ qabel tiġi ppubblikata. L-artiklu miktub minn M. Palvano Guelfi jiġbor fih kliem ta’ tifħir għall-"bravissimo regista toscano" Mario Corradi, kif ukoll lid-direttur mużikali, il-Prof. Joseph Vella, li bi bravura u preċiżjoni dderieġa din l-opra.

Imfaħħra u bir-raġun il-prestazzjoni tas-sopran ċelebri Francesca Patane’ u t-tenur Antonino Interisano, protagonisti f’din il-produzzjoni. Kliem ta’ tifħir mar ukoll għas-sopran Għawdxija Miriam Cauchi u l-baxx Franco de Grandis li l-vuċijiet tagħhom ġew deskritti: "voci dotate di rotondita’ e di morbidezza sublimi, che hanno saputo ricalcare tutta la dolcezza, come la straziante sofferenza del fine del secondo atto".  Palvano Guelfi jfaħħar ukoll il-prestazzjoni tal-baritonu Marco Chingari u t-tenuri Giovanni Maini u Davide Malandra fil-parti ta’ Ping, Pong u Pang, kif ukoll lil Mario Portelli (Altoum) u Kevin Caruana fil-parti ta’ Mandarino.

Ma naqasx il-kliem ta’ tifħir għall-prestazzjoni tal-kor taħt id-direzzjoni ta’ Dr Maria Frendo, deskritta bħala "egregia". L-awtur faħħar ukoll ix-xenarju (Joseph Cauchi) u l-kostumi mill-isbaħ (f’idejn George Farrugia u Manuel Grima) li taw dak il-kulur lil din il-produzzjoni mill-aqwa fit-teatru tagħna.

Bla dubju ċertifikat ieħor mill-aqwa għat-teatru Astra u għas-Soċ. Filar. La Stella – ċertifikat li juri l-livell għoli li laħaq it-teatru tagħna fil-qasam operistiku – ta’ unur mhux biss għalina, imma wkoll għal pajjiżna! Il-fatt li din ir-review dehret fl-istess paġna maġenb review oħra minn Covent Garden tfisser ħafna!

Nagħlqu din il-paġna bi kliem Palvano Guelfi: 

"Al termine dello spettacolo, il pubblico ha salutato gli intepreti della magica serata con dieci minuti di scroscianti e meritatissimi applausi garantendo il ‘tutto esaurito’ anche per le repliche successive".