L-OPRA TURANDOT FIT-TEATRU ASTRA
It-Teatru Astra din is-sena qed jiċċelebra bil-kbir il-150 anniversarju mit-twelid tal-kompożitur Taljan ta’ l-opra, Giacomo Puccini. Il-Ħamis 23 u s-Sibt 25 ta’ Ottubru 2008 id-direzzjoni tat-teatru sa ttella’ l-aqwa kapulavur tiegħu, Turandot, bi Francesca Patanè fil-parti ewlenija. Patanè hi waħda mis-soprani l-aktar imfittxija ta’ żmienna; il-leħen, it-temperament u l-kontroll tagħha bla dubju jfakkruna fl-immortali Maria Callas, u l-fama tagħha filfatt hi marbuta ma’ dan ir-rowl formidabbli. Dawk li jħobbu l-opra żgur li għadhom jiftakru sewwa l-interpretazzjoni impekkabbli li tat ta’ Lady Macbeth fl-Astra s-sena l-oħra. Il-kant u l-kapaċità tagħha fuq il-palk rebħu l-ammirazzjoni kemm tad-dilettanti u kemm tal-kritiċi, u kulħadd kien imxennaq li jaraha għal darb’oħra fuq il-palk.
F’artiklu fis-Sunday Times (4 Novembru 2007) Cecilia Xuereb kitbet li “Francesca Patanè għandha dak it-tip ta’ leħen maħdum għall-parti – aħrax, fgat u mlibbes ħoss djaboliku. Patanè mhux biss għandha dawk il-kwalitajiet imma wkoll id-daqqiet kollha li jmorru mal-poter u d-determinazzjoni. Il-ħoss niffiedi tagħha esprima b’mod preċiż il-ġibda bla ħniena ta’ Lady Macbeth għall-poter”. Kenneth Zammit Tabona, fil-kummenti tiegħu jum qabel f’The Times, ma ħalliex post għal dubju: “Lady Macbeth ta’ Francesca Patanè kienet xi ħaġa li ma tistax tinsiha. Il-leħen tagħha, li kulħadd jaqbel li sempliċiment fakkarna fil-mibkija Maria Callas, kellu qawwa emozzjonali, kien espressiv u tabilħaqq jixraq lill-parti”. M’għandniex xi ngħidu, l-Astra m’hu jagħmel l-ebda għajb lill-fama kbira li għandu bħala destinazzjoni operistika ta’ klassi u prestiġju. Patanè hi l-aktar riċenti f’serje ta’ “stilel” ta’ l-opra ta’ fama dinjija li żaru u għażlu li jerġgħu jżuru l-palk ta’ l-Astra. Mhux b’inqas hu t-tenur tagħna Joseph Calleja, li fetaħ il-karriera brillanti tiegħu fl-Astra u li s-sena l-oħra rajnieh ikanta flimkien ma’ Francesca Patanè f’Macbeth. F’Lulju li għadda hi ġiet mistiedna taħdem il-parti ta’ Turandot fl-inawgurazzjoni tat-teatru miftuħ li sar ġdid f’Torre del Lago Puccini fl-okkażjoni tal-150 anniversarju tal-kompożitur. Fil-futur is-sopran mistennija tinterpreta l-istess parti fi produzzjoni ġdida f’Philadelphia fi Frar 2009 u fl-opra inawgurali li sa tiftaħ fażi ġdida – wara ħidma ta’ ristrutturazzjoni – fil-ħajja tat-teatru Colón ta’ Buenos Aires, l-Arġentina, f’Novembru-Diċembru 2009.
Id-direzzjoni tat-Teatru Astra dejjem fittxet li tippromovi talent lokali serju. Din is-sena Miriam Cauchi, li lanqas hi xi wiċċ ġdid f’dan it-teatru, sa tinterpreta l-parti xejn inqas importanti ta’ Liù. Wieħed jista’ jgħid li Turandot hi kollha kemm hi fuq il-qawwa tal-ħlewwa. Iktar minn hekk, hi r-rebħa tal-ħlewwa fuq il-poter. Puccini, li donnu kien iħobb imiss il-qiegħ ta’ karattri nisa ppersegwitati, forsi mkien aktar ma juri l-ġenju tiegħu minn kif jippreżenta lil dan id-dwett kontrastanti: Turandot u Liù. Naraw differenza kbira bejn il-karattru iebes tal-“prinċipessa tas-silġ”, imkabbra u distanti, li lanqas il-qawwa ta’ l-imħabba u l-ħniena ma jbiddlulha qalbha, u l-għamla delikata, imma fl-istess waqt b’saħħitha, tat-tfajla lsira. Imma fl-aħħar il-fjamma ċkejkna ddewweb is-silġ żonqri, anki jekk tintefa fil-proċess. L-espressjoni lirika ta’ Miriam Cauchi, imsieħba minn attenzjoni kważi skrupluża għall-versi, sa tiżguralna Liù mhux tas-soltu. Il-leħen b’saħħtu tat-tenur Antonino Interisano, bil-kontroll sħiħ tiegħu fuq l-ogħla reġistru mużikali, żgur sa jagħmel memorabbli l-arji famużi “Non piangere Liù” u “Nessun dorma”. Interisano kemm-il darba interpreta r-rowl ta’ Calaf b’suċċess kbir, u dan fuq iż-żewġ naħat ta’ l-Atlantiku.
Ping, Pong u Pang jiffurmaw triju formidabbli. Huma jibbilanċaw lil xulxin b’ħafna modi. Niggieża, imkabbra bihom infushom u jwaqqgħu għaċ-ċajt… huma kważi “alter ego” tas-sid innifsu: tliet faċċati tal-personalità kumplessa, imma fl-istess waqt affaxxinanti, tiegħu. It-trio, li jagħti laqta traġika-komika lill-opra, sa jitkanta minn Marco Chingari, Giovanni Maini u Davide Malandra rispettivament. L-istatura tal-baritonu Marco Chingari, li s-sena l-oħra spikka bħala Macbeth, hu biżżejjed biex jindika lill-pubbliku xi produzzjoni għolja sa tkun Turandot. Franco de Grandis, li l-leħen riżonanti tiegħu hu mżejjen bil-gravitas ta’ baxxi famużi, sa jkun Timur. Kevin Caruana, li rajnieh f’bost produzzjonijiet fit-Teatru Astra, hu l-Mandarin.
Puccini hu magħruf sewwa għall-kapaċità tiegħu kif jabqad vers mużikali li jidher komuni u jagħmel minnu ġojjell uniku. Tlugħ ta’ malajr, dawra mgħaġġla ta’ xi vers u veduti ġodda bla limiti jinfetħu biex jgħollu l-ispirtu lejn għoli qatt milħuq qabel, biex iċedu biss meta l-prezz jidher qrib. Kien tabilħaqq nibbiexi tal-prima klassi, jekk qatt kien hemm wieħed! Turandot hi l-eżempju mill-aqwa ta’ dan l-istil, anzi dak definittiv. Din it-teknika tidher ukoll fil-partijiet tal-kor, li f’Turandot għandhom sehem ċentrali. Il-kor hu dejjem preżenti, involut emozzjonalment fid-drama li għaddejja, sal-final grandjuż li jaqbad il-linja melodika immortali ta’ “Nessun dorma”. It-Teatru Astra jista’ jiftaħar mhux ftit bil-kor residenti li għandu, immexxi minn Dr Maria Frendo. Il-kor ta’ l-opra qala’ t-tifħir ta’ ħafna għas-sbuħija fit-ton u l-kulur, il-ħeffa u l-varjetà tad-dinamika, kif ukoll għall-omoġeneità fil-karattru tiegħu li biha kapaċi jinterpreta mill-aktar pianissimo sottili sa l-aktar fortissimo qawwi. Għal din l-interpretazzjoni, kif seħħ fl-aħħar produzzjonijiet, il-kor sa jiżdied ukoll bil-krema tal-kor famuż ta’ l-opra f’Ruma, biex jiġu żgurati l-ogħla livelli li ntlaħqu bil-produzzjoni ta’ Macbeth is-sena li għaddiet.
Mario Corradi qed jiġi fdat mill-ġdid bil-produzzjoni artistika. Is-settijiet tal-palk u d-direzzjoni ta’ Corradi kapaċi jgħaqqdu flimkien tradizzjoni u innovazzjoni, u ma jirrispettawx biss l-impatt viżwali imma jfittxu li jixkfu l-ġrajja drammatika interna fil-profonditajiet psikoloġiċi kollha tagħha. Joseph Vella, id-direttur mużikali tat-Teatru Astra, li ismu l-lum hu sinonimu mal-professjonaliżmu, sa jmexxi l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali ta’ Malta.
Festival Mediterranea u l-opra Turandot qed jittellgħu qabelxejn bis-sapport ta’ Vodafone Foundation, Bank of Valletta plc, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, il-Fond għal Kawżi Ġusti, il-Ministeru għal Għawdex, l-Air Malta, il-Heritage Malta, il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti u l-Kunsill Lokali tal-belt Victoria. Wieħed issa jista’ jixtri l-biljetti mit-Teatru Astra (helpline: 21 550 985; email: [email protected]), mingħand Anthony Damato Music Shop, Valletta (tel: 21 234 348), u mill-Uffiċċju ta’ l-Informazzjoni għal Għawdex, Valletta (tel: 21 227 313). L-aħħar tagħrif fuq l-opra u l-festival jista’ jinkiseb minn www.mediterranea.com.mt.