L-OPRA NORMA F’GĦAWDEX: BILJETTI MRAĦĦSA GĦALL-ISTUDENTI
Studenti li għandhom 25 sena jew inqas jistgħu jgawdu minn offerta speċjali ta’ prezzijiet imraħħsa ferm għall-istudenti, li qed tiġi offruta mit-Teatru Astra għall-produzzjoni tal-opra Norma li se ssir fl-istess teatru nhar il-Hamis 27 u s-Sibt 29 t’Ottubru 2011.
It-Teatru Astra qiegħed għar-raba’ darba jirrepeti din l-iskema li toffri l-opportunità lil studenti biex jiffamiljarizzaw irwieħhom mal-opra u jgawdu mill -esperjenza meraviljuża li din l-espressjoni artistika tagħti. Hekk tkun tista’ titrawwem ġenerazzjoni ġdida ta’ zgħazagħ li japprezzaw l-opra. It-Teatru Astra qed joffri 200 biljett li jinbiegħu fuq bażi ta’ first-come first-served lil dawk l-istudenti li għandhom 25 sena jew inqas, u li jgħixu f’ Malta jew Għawdex, għall-ewwel serata tal-opra, jiġifieri l-Ħamis 27 t’Ottubru. Il-prezz tal-biljetti tnaqqas b’mod konsiderevoli, minn €50 għal €10 kull wieħed għall-istudenti, filwaqt li kull persuna adulta li takkumpanja lill-istudenti tista’ wkoll tgawdi minn tnaqqis ta’ 20% fuq il-prezz tal-biljett tagħha, għall -prezz finali ta’ €40. Il-biljetti jistgħu jiġu prenotati permezz tat-telefon 21550985 jew 79256897, inkella email fuq [email protected]
Il-produzzjoni tal-opra Norma fit-Teatru Astra tinvolvi s-sehem ta’ artisti internazzjonali ta’ fama fosthom is-sopran Griega Dimitra Theodossiou fil-parti ta’ Norma, it-tenur Taljan Antonino Interisano, il-mezzo-sopran Rumena Oana Andra fil-parti ta’ Adalgisa, u l-baxx Taljan Dario Russo fil-parti ta’ Oroveso. Magħhom se jkantaw ukoll kantanti lokali zgħazagħ, is-sopran Għawdxija Dorienne Portelli fil-parti ta’ Clotilde filwaqt li t-tenur Malti Cliff Zammit Stevens se jiddebutta għall-ewwel darba fi rwol f’opra bil-parti ta’ Flavio.
Norma tinkludi wkoll is-sehem tal-Kor tal-Opra tat-Teatru Astra, mħarreg minn Maria Frendo, filwaqt li l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta se tkun immexxija mill-Professur Joseph Vella. Id-direzzjoni artistika ta’ din l-interpretazzjoni tradizzjonali ta’ Norma hi afdata f’idejn it-Taljan Enrico Stinchelli. Il-produzzjoni tal-opra Norma tiftaħ l-għaxar edizzjoni ta’ Festival Mediterranea. Id-dettalji tal-attivitajiet kollha li jiffurmaw dan il-festival jistgħu jinkisbu mis-sit elettroniku: www.mediterranea.com.mt.
Norma u Festival Mediterranea qed jigu organizzati minn voluntieri fi ħdan it- Teatru Astra bil-kollaborazzjoni tal-Bank of Valletta, l-Awtorita’ Maltija tat- Turiżmu, Vodafone Malta Foundation, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, il- Ministeru għal Ghawdex, il-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment, il-Kunsill Malti tal-Arti u l-Kultura, u l-Kunsill Lokali tar-Rabat (Għawdex).
Promo Link: Youtube