Join Us On:

News Archive

L-OPRA “NORMA’ DALWAQT MAGĦNA … MILL-ĠDID !

Bħalma ġa ħabbarna f’bosta okkażjonijiet għall-opra ta’ din is-sena, it-Teatru Astra akkwista s-servizzi tas-sopran Griega Dimitra Theodossiou li din is-sena se tkanta l-parti ta’ “Norma” fl-opra tant diffiċli li ġġib l-istess isem u li se ssir f’żewg serati bħala parti mill-ftuħ tal-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Festival Mediterranea. Ta’ min ifakkar li din l-opra kienet saret fit-Teatru Astra fl-1990. Permezz ta’ din l-opra Dimitra Theodossiou, li hi soprano ta’ klassi dinjija, se tkun qed tkanta għall-ewwel darba f’Malta. Minbarra għar-rwol ferm diffiċli tagħha f’din l-opra ta’ Bellini, hi magħrufa wkoll għal diversi rwoli oħra li jġibu l-istess isem tal-opra fosthom f’ “Aida” ta’ Giuseppe Verdi, f’ “Lucia di Lammermoor”, “Anna Bolena” u “Lucrezia Borgia” ta’ Donizetti. Hija tkanta fit-teatri u s-swali l-iktar importanti madwar id-dinja fosthom f’ “Royal Opera House Covent Garden”, f’ “Teatro alla Scala” f’Milan, f’diversi teatri tal-opra madwar l-Italja fosthom f’Ruma, Verona u Napli, kif ukoll fil-belt kapitali ta’ pajjiżha Ateni, Frankfurt, Lisbona, Tokjo, St Petersburg, Munich, Madrid, Monte Carlo, Sao Paolo, il-Gappun u Seoul fost oħrajn.

It-tenur Taljan Antonino Interisano se jirritorna għal darb’oħra fit-teatru f’Għawdex, din id-darba għall-parti ta’ Pollione filwaqt li l-“mezzo-sopran” Rumena Oana Andra se tkanta l-parti ta’ Adalgisa. Il-baxx Taljan Dario Russo se jkanta l-parti ta’ Oroveso.

Għall-opra “Norma” l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta se titmexxa mis-surmast direttur il-Professur Joseph Vella filwaqt li bħas-soltu, il-produzzjoni tal-opra se tinvolvi lill-kor residenti tat-teatru, it-“Teatru Astra Opera Chorus” imħarreg minn Dr. Maria Frendo.

Din is-sena Teatru Astra afda l-produzzjoni artistika tal-opra f’idejn id-direttur Taljan Enrico Stinchelli, meqjus bħala awtorità fl-Italja f’dak kollu li għandu x’jaqsam mal-opra. Hu magħruf b’mod partikolari għall-programm tiegħu ta’ kuljum “La Barcaccia” dwar il-mużika klassika u lirika li jixxandar fuq RAI Radio 3, u d-direzzjoni ta’ diversi produzzjonijiet tal-opra li ħaduh f’diversi teatri importanti fl-Italja fosthom f’Ruma, f’Bologna u f’Taormina kif ukoll fil-Bulgarija u fil-Ġappun bi produzzjonijiet ta’ “Tosca”, “Barbiere di Siviglia”, “Fedora”, “Aida”, “Carmen” u “Norma”.

Naturalment, hija x-xewqa tal-ħafna kollaboraturi u sostenituri, inklużi dawk li jagħmlu ħafna xogħol minn wara l-kwinti, li bħas-soltu, il-produzzjoni tkun waħda ta’ livell għoli. Persważi li d-dilettanti kollha huma ħerqana li jasal is-27 ta’ Ottubru meta ssir l-ewwel rappreżentazzjoni, fejn fit-Teatru Astra jerġgħu jindaqqu n-noti famużi tal-“Casta Diva” flimkien mal-bqija tal-opra !

Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jidħol fis-sit elettroniku http://www.mediterranea.com.mt. Biex wieħed jibbukkja xi attività jista’ jikteb fuq [email protected] jew iċempel fuq 21550985 jew 99883007.