Join Us On:

News Archive

L-OPRA ‘MACBETH’ U FESTIVAL MEDITERRANEA

“Il-Festival Mediterranea, li din is-sena daħal fis-sitt edizzjoni tiegħu, illum hu parti importanti mill-kalendarju kulturali tal-gżira Għawdxija. Dan il-festival hu ta’ attrazzjoni mhux biss għall-Għawdxin u għall-bosta Maltin li jitilgħu apposta biex isegwuh, iżda wkoll għal dawk it-turisti li jkunu Għawdex f’dawn iż-żminijiet tas-sena.”

Dan qalu l-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech meta nieda l-opra Macbeth li ser tittella’ f’Għawdex mis-Soċjetà Filarmonika La Stella u mill-Management tat-Teatru Astra.

Bħala parti mill-Festival Mediterranea, it-Teatru Astra ser itella’ l-opra Macbeth ta’ Giuseppe Verdi nhar il-Ħamis 25 u nhar is-Sibt 27 ta’ Ottubru. Din il-opra ttellgħet għall-ewwel darba fl-istess teatru f’Mejju 1997.

Il-protagonista ta’ din l-opra ser ikun it-tenur Joseph Calleja li ser jinterpreta lil Macduff. Joseph Calleja kien interpreta l-istess karattru, fl-istess opra, fl-istess teatru meta kellu biss dsatax-il sena. Minn dak iż-żmien ’l hawn, Joseph Calleja kanta fl-aqwa teatri ta’ l-opra fid-dinja fosthom il-Metropolitan ta’ New York u Covent Garden f’Londra.

Fil-parti ta’ Macbeth ser ikanta l-baritonu Marco Chingari filwaqt li Francesca Patané ser tinterpreta Lady Macbeth. Francesco de Grandis ser jinterpreta l-parti ta’ Banquo, filwaqt li Joseph Aquilina ser ikun fir-rwol ta’ Malcolm, Kevin Caruana fil-parti tad-Dottore, Dorienne Portelli fil-parti tal-lady-in-waiting u Bernard Busuttil fir-rwol ta’ Araldo.

L-Orkestra Nazzjonali ser tkun taħt id-direzzjoni tal-Professur Joseph Vella filwaqt li l-produzzjoni ser tkun f’idejn ir-reġista Taljan Mario Corradi.

Il-Ministru Zammit Dimech qal li s-Soċjetà Filarmonika ‘La Stella’ flimkien mal-Management tat-Teatru Astra rnexxilhom din is-sena jakkwistaw is-servizzi tat-tenur Malti Joseph Calleja. Hu qal li Joseph Calleja kien illum personalità internazzjonali fil-qasam mużikali. Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-preżenza ta’ Joseph Calleja f’Għawdex kienet ser tkun ta’ attrazzjoni minnha nnifisha u għalhekk kien jistenna li ħafna Maltin u turisti jitilgħu jaraw din l-opra Verdjana.

Huwa kompla jgħid li s-settur turistiku f’Għawdex din is-sena wkoll kien għaddej minn żminijiet pożittivi. Hu fakkar fl-istħarriġ tal-MHRA għat-tieni kwart ta’ din is-sena, li minnu jirriżulta li l-lukandi ta’ Ħames Stilel f’Għawdex irreġistraw żieda fl-okkupazzjoni ta’ 18% fuq l-istess perijodu s-sena l-oħra u li r-rati għall-kmamar fl-istess kategorija kienu 6% iżjed u dawk tal-lukandi ta’ Erba’ Stilel 55% iżjed.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li dawn ir-riżultati ma ġewx mix-xejn, iżda kienu frott ħidma mill-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura, il-Ministeru għal Għawdex, l-MTA, l-GTA u l-istakeholders kollha biex Għawdex qed ikun magħruf bħala destinazzjoni distinta minn Malta. Hu qal li l-attivitajiet li qed isiru f’Għawdex – bħal Notte Gozitana- Lejlet Lapsi u l-Festival Mediterranea, l-arraġamenti li qed isiru mill-Gozo Channel flimkien mal-lukandi, ristoranti u ħwienet f’Għawdex, kif ukoll il-programm vast infrastrutturali, ta’ tisbiħ u ta’ restawr qed jikkontribwixxu biex Għawdex isir aktar popolari fost it-turisti.

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura rringrazzja lil kull min qiegħed jagħti sehemhu biex tittella’ l-opra Macbeth f’Għawdex.

DOI – 10.10.2007