Join Us On:

News Archive

L-OPRA GIOVANNA D’ARCO DALWAQT FIT-TEATRU ASTRA

Nhar il-Ħamis 24 t’Ottubru u s-Sibt 26 t’Ottubru, ġewwa t-Teatru Astra se tittella l-produzzjoni tal-opra lirika ta’ Giuseppe Verdi Giovanna d’Arco. L-unika u l-aħħar darba li saret din l-opra ġewwa Malta kien fit-2 t’Ottubru 1852 fit-Teatru Rjal il-Belt Valletta. Malta kienet id-9 pajjiż li ppreżentat din l-opra wara l-Italja, Spanja, Portugal, Turkija, Rumanija, Yugoslavia, Russja u l-Greċja. Fl-Italja saret għall-ewwel darba fit-Teatro alla Scala fl-1845.

Għal din l-opra partikolari t-Teatru Astra għażel kantanti ta’fama internazzjonali għall-partijiet prinċipali, fosthom, lis-sopran Sophie Gordeladze fil-parti ta’ Giovanna d’Arco, it-tenur Giulio Pelligra fil-parti tar-Re Karlu VII u l-baritonu Badral Chuluunbaatar fil-parti ta’ Giacomo. Il-parti ta’ Delil se jagħmilha t-tenur Davide Benigno filwaqt dik ta’ Talbot se jagħmilha il-baxx Noel Galea. L-Orkestra Nazzjonali ta’Malta se tkun taħt it-tmexxija ta’ Mro Dr John Galea filwaqt li d-direzzjoni artistika għal darba oħra se tkun taħt Enrico Stinchelli.

Għal din is-sena, Teatru Astra ingaġġa wkoll disinjatur taljan għall-kostumi, Matteo Capobianco, li flimkien max-xenografu tagħna Joseph Cauchi se jdaħħluna fid-dinja ta’ 600 sena ilu ġewwa Franza fejn se ngħixu l-istorja ta’ din it-tfajla Giovanna, fost il-ħafna kunflitti, dilemma u għażliet li kellha tagħmel, kif irrakkuntat fil-librett ta’ Temistocle Solera. Ħafna jqisu li f’din l-opra il-kor huwa ir-raba’ protagonist peress li għandu biċċiet impenjattivi ħafna. Għal darba oħra il-Chorus Mistress ta’ din l-opra se tkun Mariella Spiteri Cefai. Il-koreografija tal-opra se tkun taħt id-direzzjoni ta’ Dr Sarah Grech (Dance Narratives).

Għalhekk inħeġġu lil dawk interessati li jixtiequ jingħaqdu magħna ġewwa t-Teatru Astra nhar l-24 jew 26 ta’ Ottubru biex jibbukkjaw fis-sit elettroniku tagħna www.teatruastra.org.mt.

Din l-opra hija l-qofol ta’ Festival Mediterranea 2024 li issa wasal fil-wieħed u għoxrin edizzjoni. L-opra ma tkunx possibbli mingħajr l-għajnuna tal-Arts Council Malta u l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar permezz tal-Gozo Cultural Support Programme u bosta entitajiet kummerċjali oħra.