Join Us On:

News Archive

L-OPRA FIT-TEATRU ASTRA U ĦAFNA AKTAR FIL-WEEKEND LI ĠEJ F’GĦAWDEX

L-opra fit-Teatru Astra u ħafna aktar fil-weekend li ġej f’Għawdex

Jinsabu fl-aqwa tagħhom l-aħħar tħejjijiet għas-sittax -il edizzjoni ta’ Festival Mediterranea, ċelebrazzjoni kbira ta’ kultura għolja fid-diversi forom tagħha, ewliena fosthom l-arti, l-mużika, l-istorja u l-edukazzjoni, fil-gżira ta’ Għawdex.

Din il-festa kulturali tibda nhar il-Ħamis li ġej, 26 ta’ Ottubru, bl-ewwel rappreżentazzjoni ta’ l-opra lirika mill-isbaħ “Lucia di Lammermoor”, ta’ Gaetano Donizetti, fit-Teatru Astra, taħt id-direzzjoni mużikali tal-Professur Joseph Vella u dik artistika tar-reġista magħruf Enrico Stinchelli. It-tieni rappreżentazzjoni tagħha ser tinżamm jumejn wara, s-Sibt 28 ta’ Ottubru fl-istess teatru.

L-opra fit-Teatru Astra, li bla dubju ta’ xejn hija l-avveniment ewlieni mhux biss ta’ Festival Mediterranea imma wkoll tal-kalendarju kulturali tal-ħarifa f’pajjiżna, hija ikkumplimentata minn sensiela ta’ avvenimenti kulturali oħra. Infatti, fi tmiem il-ġimgħa li ġej, il-Festival se jkun qed joffrilna wkoll kunċert minn tliet solisti bravi, membri tal-Banda Ċittadina La Stella tal-Belt Victoria, George Camilleri fuq it-trumbun u l-ewfonju, Mario Galea fuq il-klarinett, u Robert Buttigieg fuq il-kurunetta. Dawn ser ikunu akkumpanjati mill-pjanista promettenti żagħżugħ, Francis James Camilleri. Fil-kunċert, li ser jinżamm nhar il-Ġimgħa, 27 ta’ Ottubru, fis-7.30 ta’ filgħaxija, fil-lukanda Kempinski, f’San Lawrenz, ser jiġu esegwiti xogħolijiet mill-isbaħ ta’ kompożituri mill-aqwa, fosthom Malcolm Arnold, Francis Poulenc, George Gershwin, Henri Büsser, Carl Höhne, Hector Berlioz, Joseph Horowitz u Frédéric Chopin. Id-dħul għal dan il-kunċert mill-isbaħ huwa mingħajr ħlas.

Fil-jum tat-tieni rappreżentazzjoni ta’ l-opra “Lucia di Lammermoor”, jiġifieri s-Sibt, 28 ta’ Ottubru, Dr Abraham Borg ser jagħti taħdita pubblika dwar dan il-kapolavur ta’ Donizetti, fl-10.00 ta’ filgħodu ġewwa Vini e Capricci fil-kumpless Gozitano. Il-parteċipazzjoni f’din it-taħdita pubblika hija wkoll mingħajr ħlas.

Festival Mediterranea mbagħad jissokta fil-jiem u l-ġimgħat ta’ wara b’aktar avvenimenti kulturali interessanti, li aktar informazzjoni dwarhom tista’ tinkiseb mis-sit elettroniku uffiċjali tal-Festival, www.mediterraneacom.mt, jew inkella fuq in-numru tat-telefon, 21 550 985.

L-opra qegħda ssir bl-għajnuna tal-Gozo Cultural Support Programme. Il-prenotazzjonijiet jistgħu jsiru online fuq www.teatruastra.org.mt u permezz tal-helpdesk tal-Festival fuq 2155098. Aktar informazzjoni tista tinkiseb fuq: [email protected].

Teatru_Astra_fully_packed_small