L-MALTEMP IFIXKEL L-FESTI ESTERNI TAL-KUNĊIZZJONI
Fil-jum tal-bieraħ 8 ta’ Diċembru il-Knisja Universali ċċelebrat l-Immakulata Kunċizzjoni. Fil-Belt Victoria, l-Kommunità Franġiskana organizzat festi interni mill-isbaħ fejn matul il-ġurnata l-knisja kienet ippakkjata speċjalment matul quddies imħejji matul il-jum.
Sfortuntament pero, it-temp fixkel il-festi esterni. Minbarra li l-Ħadd tħassret id-dimostrazzjoni, il-bieraħ ukoll ġew ikkanċellati kważi l-attivitajiet esterni kollha minħabba l-maltemp. Il-bieraħ, Il-Banda Ċittadina La Stella, kif skedat, bdiet il-servizz ta’ marċ fil-5.15pm minn Pjazza San Franġisk, imma sfortunatament kellu jiġi mitmum ħesrem, minħabba li bdiet nieżla x-xita waqt li l-Banda kienet ddoqq. Fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Gwardjan, is-servizz tal-banda ġie kkanċellat minħabba l-maltemp. Aktar minn siegħa wara, l-purċissjoni imbagħad ħarġet f’forma ridotta madwar Pjazza San Franġisk.
Minn din il-paġna nifirħu mill-ġdid il-kommunità Franġiskana għall-organizzazzjoni tal-festa u nittamaw li s-sena dieħla, bħalma ġara s-sena l-oħra, t-temp ikun aktar ħanin biex b’hekk ingawdu aktar dan il-jum tant għażiż għalina lkoll.
(Ritratt: Anton Farrugia)