Join Us On:

News Archive

L-ITTRA MIBGĦUTA LIS-SINDKU TAL-BELT VICTORIA

Wara l-istqarrija uffiċjali maħruġa mis-Soċjetà Filarmonika ‘La Stella’, li dehret nhar il-Ħadd 10 ta’ Ġunju 2007, illum, għall-benefiċċju ta’ dawk kollha li jżuru dan is-sit, qed nippubblikaw ukoll l-ittra li ntbagħtet lis-Sindku tal-belt Victoria, is-Sur Robert Tabone, mis-Soċjetà tagħna, wara dak li ġara waqt iċ-ċelebrazzjoni ta’ Jum il-belt Victoria, nhar is-Sibt li għadda.
—————————————————————————————————————————————————

Is-Sindku Robert Tabone,
Kunsill Lokali Rabat,
Pjazza Indipendenza,
Victoria

Sur Sindku,

Niktiblek għan-nom tas-Soċjetà Filarmonika La Stella. Nibda billi nikkongratula ruħi miegħek għall-okkażjoni sabiħa li inti flimkien mal-Kunsill tiegħek ħadt ħsieb torganizza llum. Fl-istess waqt ma nistax ma neħux l-okkażjoni biex anke nirringrazzjak ta’ l-onorefiċenza li l-istess Kunsill istitwixxa fuq is-Soċjetà La Stella – liema onorefiċenza in vista ta’ dak li seħħ da parti tas-soċjetà l-oħra ovvjament naqset mill-valur intrinsiku tagħha!

Fl-istess waqt, għan-nom tas-Soċjetà La Stella kif ukoll tal-bandisti kollha nixtieq nesprimi d-diżappunt u diżgust tiegħi għall-mod kif ġiet konkluża serata mill-isbaħ organizzata mill-Kunsill tiegħek.

Nixtieq għall-kjarezza nispjega tajjeb il-fatti għal min għadu ma jafhomx jew issa forsi jippretendi li ma jafhomx. Matul laqgħat twal bejn il-Kunsill u ż-żewġ Soċjetajiet kien ġie deċiz bl-aktar mod ċar li ma kellu jkun hemm ebda manifestazzjonijiet oltre dak li ġie espressament miftiehem. Jidher pero` illi s-Soċjetà l-oħra – bħal dejjem – ma hijiex kapaċi li tpoġġi di parti l-partiġjaniżmu sfrenat u insensat tagħha anqas f’manifestazzjonijiet ċiviċi bħalma hija dik tal-lejla.

L-uffiċċjali tas-Soċjetà La Stella sa minn kmieni llum wara nofsinhar indunaw li s-Soċjetà l-oħra kienet ser tonqos mill-arranġament li kienu ġa daħlu għalih. Kien għalhekk li bl-aktar mod ċar l-uffiċċjali tas-Soċjetà La Stella talbu mingħandek l-garanzija li l-patti ġa stabbiliti jiġu rispettati. Kien għalhekk ukoll illi inti infurmajtna li assigurajt ruħek dwar ir-rispett tal-patti stabbiliti billi:
1. tkellimt ma’ kunsillier bħalek ossia Josef Schembri – li llejla għażel li jabbanduna l-Kunsill u jilbes il-vesti ta’ bandist mas-Soċjetà l-oħra – fejn hu aċċertak li ser jiġu rispettati l-patti;
2. l-istess rassikurazzjoni għidtilna li waslitlek ukoll mill-President tas-Soċjetà l-oħra.

Kien f’dana l-istess ambitu li, minuti biss qabel ma beda l-programm, inti personalment ikuntatjajt lil membru tal-Kumitat tas-Soċjetà La Stella. Kont inti li tlabt l-assikurazzjoni li l-patti stabbiliti ser jiġu rispettati fl-intier tagħhom. L-istess uffiċċjal ħa hsieb għalhekk li, min minn dawk il-partitarji tagħna kien, fuq inizjattiva tiegħu, ġab xi fjuri miegħu tteħdulu l-istess fjuri. Dana sabiex il-patti stabbiliti jiġu rispettati!

B’dispjaċir ninnota li l-assigurazzjoni mogħtija lilek personalment sfat miksura mill-aġir irresponsabbli tas-Soċjetà l-oħra u l-partitarji tagħha. Dana stante li partitarji tan-naha l-oħra għażlu li jitfgħu fjuri u jisparaw karti meta l-uffiċċjali tas-Soċjetà La Stella kienu speċifikatament ġibdulek l-attenzjoni dwar dan. Jidher li għal darba ohra – u dana mhux b’sorpriża – is-Soċjetà l-oħra uriet li ma hijiex kapaċi li tpoġġi l-interessi ċiviċi qabel dawk partiġġjani tagħha u saħansitra hija hi stess li tiffomenta dawn il-piki insensati u mingħajr ebda raġuni loġika.

Kien ikun apprezzat li la darba ġew miksura l-patti stabbiliti fejn aħna ġejna kostretti nabbandunaw il-manifetazzjoni, il-Kunsill iħassar ir-riċeviment li ġie organizzat wara.

Għaldaqstant, is-Soċjetà La Stella, stante illi l-kelma mogħtija mill-Kunsillier Josef Schembri kif ukoll minn Dr. Miċhael Ċaruana ġiet miksura, qiegħda tistenna minn issa:
1. l-ispjegazzjoni, ir-reazzjoni u r-riparazzjoni li ser joffri l-Kunsill;
2. skuża bil-miktub li tkun aċċettabbli għas-Soċjetà La Stella mill-Kunsillier Josef Schembri, li għandu jkun ferm aktar matur u jpoġġi l-interessi ta’ beltna qabel il-passjonijiet partiġjani tiegħu;
3. skuża bil-miktub li tkun aċċettabbli għas-Soċjetà Filarmonika La Stella mingħand il-President tas-Soċjetà l-oħra li bhala persuna li tippretendi li għandha rwol prominenti fis-soċjetà Għawdxija għandha tkun f’pożizzjoni li tagħraf tpoġġi interessi ċiviċi qabel dawk personali u partiġġjani tagħha.

Sa meta jseħħ dan jiddispjaċini ninfurmak li l-Kunsillier Josef Schembri huwa ‘persona non grata’ għas-Soċjetà La Stella. Għalhekk nitolbok sabiex kwalsiasi invit lill-Kunsill mis-Soċjetà La Stella tikkunsidrawh bħala li ma jinkludix lil dak il-Kunsillier.

Għal kull buon fini qed ninfurmawk li qed tintbagħat ukoll stqarrija flimkien ma’ din l-ittra lill-media kollha lokali.

Inselli għalik,

Dr. Joseph Grech
President Soċ. Filar. La Stella