Join Us On:

News Archive

L-ISTATWA TA’ DON BOSCO LURA F’DARHA

L-istatwa ta’ San Ġwann Bosco llum sa ttemm iż-żjara tagħha ta’ sitt ijiem fid-dar oriġinali tagħha: il-bażilika ta’ San Ġorġ. Illejla, wara konċelebrazzjoni solenni fis-6.00pm li tagħlaq tlitt ijiem ta’ Tridu mqaddes iċċelebrati minn Mons. Ġużeppi Farrugia, arċipriet emeritu, il-banda ċittadina La Stella takkumpanja b’innijiet reliġjużi l-purċissjoni bl-istatwa ta’ San Ġwann Bosco lejn il-kappella tal-Oratorju Don Bosco, u tgħaddi mill-istess toroq li minnhom għaddiet l-istatwa meta ttieħdet għal kollox fl-Oratorju l-ġdid li kien inbena fil-post taċ-ċimiterju l-antik tar-Rabat.
 
Iktar kmieni x-xahar l-ieħor din l-istatwa ħelwa, xogħol Wistin Camilleri – li turi lil Don Bosco flimkien ma’ San Domenico Savio u tfajjel ieħor rappreżentant tal-Oratorji li beda dan il-qaddis f’Turin u llum huma mxerrda mad-dinja kollha – ħarġet mill-kappella tal-Oratorju Don Bosco fil-belt Victoria u bdiet iddur il-knejjes parrokkjali ta’ Għawdex. Dan għax l-istess Oratorju din is-sena qed ifakkar bosta anniversarji importanti fl-istorja tiegħu, fosthom il-75 sena mill-ftuħ tal-ewwel dar li seħħ eżatt fl-istess jum li fih f’Ruma kienet għaddejja ċ-ċerimonja tal-kanonizzazzjoni ta’ Don Bosco.
 
Ma kienx b’kumbinazzjoni li ż-żjara ta’ din l-istatwa fil-bażilika ta’ San Ġorġ, fl-okkażjoni ta’ dan l-anniversarju, tħalliet l-aħħar waħda fost l-erbatax-il parroċċa ta’ gżiritna. Kienet ix-xewqa tal-istess direzzjoni tal-Oratorju li l-istatwa żżur l-aħħar – għax l-iktar importanti – il-knisja parrokkjali li fi ħdanha jaf it-tnissil, it-twelid u t-trawwim tiegħu l-Oratorju. Meta l-ewwel Oratorju f’Għawdex infetaħ fl-1 ta’ April 1934, dan sar f’dar fi Strada Karità, pass ’il bogħod mis-sagristija tal-bażilika ta’ San Ġorġ. U l-istess ideatur u eżekutur tal-proġett kien saċerdot żelanti ta’ San Ġorġ, Dun Pawl Micallef, li mdawwal mill-ideali Salesjani u mħeġġeġ mill-arċipriet tar-Rabat Mons. Alfons Maria Hili u minn sħabu s-saċerdoti tal-parroċċa, b’kuraġġ kbir ta bidu għal din l-opra qaddisa fil-gżira tagħna. Meta s-Salesjani ħallew l-Oratorju, il-parroċċa ta’ San Ġorġ kompliet wara l-ħidma ta’ binha Dun Pawl Micallef u tat lill-Oratorju direttur wara l-ieħor minn fost il-presbiterju żelanti tagħha, li dejjem kellu għal qalbu l-interessi pastorali ġenwini tal-komunità Kristjana tal-belt, li lil din il-parroċċa taf nisilha.
 
U kif kien il-każ tat-tnissil tal-Leġjun ta’ Marija f’Għawdex u tal-Museum tas-subien fir-Rabat, għall-Oratorju wkoll il-bidu naturali ma setax ma jkunx ukoll f’San Ġorġ, fil-parroċċa li sas-snin ħamsin tas-seklu l-ieħor waħidha kienet taqdi pastoralment lill-belt kollha, barra li Għawdxin mill-irħula kollha kienu jbillu subgħajhom fil-ħwat tagħha. Insibu fid-djarju personali ta’ Dun Pawl Micallef, li mbagħad aktar tard sab l-għajnuna tal-ewwel Salesjan Għawdxi Dun Alwiġ Mizzi, kif l-idea kollha tal-Oratorju ħarġet mill-ħtieġa li hu ħass fil-parroċċa li t-tfal ikollhom iżjed min jieħu ħsiebhom, jgħallimhom id-duttrina u jiffurmahom.
 
L-istatwa ta’ Don Bosco m’hix ġdida għal San Ġorġ għal raġuni oħra. Għalkemm Dun Pawl u t-tfal tiegħu fil-bidu kellhom dar ċkejkna qrib il-knisja parrokkjali tar-Rabat, u oħra warajha fi Triq Mons. Giuseppe Farrugia, it-tridu u l-festa tal-qaddis f’Jannar l-Oratorju kollu kien jagħmilhom f’San Ġorġ, fejn l-istatwa kienet tittieħed għal dawk il-jiem ta’ festa. Dan baqa’ jsir sakemm fl-1947 l-Oratorju mexa għal bini antik, u mbagħad wara għal ieħor iġded, fi Pjazza Santu Wistin. B’tifkira tal-preżenza tal-ewwel Oratorju fi ħdan il-parroċċa Ġorġjana u tar-rabta dejjiema tiegħu mal-ħajja pastorali tagħha, is-seba’ suċċessur ta’ Don Bosco fit-tmexxija tal-Kongregazzjoni Salesjana, Dun Egidio Viganò, tul iż-żjara tiegħu f’Għawdex f’Jannar 1989 kien kixef mafkar mal-ħajt tad-daħla taċ-ċentru parrokkjali.
 
Għalhekk bix-xieraq li l-aħħar żjara u l-iktar importanti ta’ din l-istatwa – simbolu ta’ realtà li għamlet u għadha tiġġenera tant ġid spiritwali fost l-ulied tal-gżira – fost il-komunitajiet parrokkjali Għawdxin tħalliet għall-bażilika ta’ San Ġorġ, li, b’umiltà ta’ qaddejja tal-Knisja fil-gżira imma wkoll b’ġieħ u dinjità li jagħmluha unika għal darb’oħra fl-istorja ta’ Għawdex, 75 sena ilu rat jitwieled u jikber fi ħdanha l-Oratorju Don Bosco.