L-INNU LIL SAN PAWL TAS-SURMAST VELLA JAGĦLAQ 50 SENA
Minn nhar il-Ħadd li ġej, il-Banda Ċittadina La Stella terġa’ tibda s-servizzi tagħha tas-sajf li bħalma jaf kulħadd m’humiex ftit. L-ewwel festa li l-banda tagħna se ddoqq fiha hija dik tal-Munxar f’ġieħ San Pawl Nawfragu, raħal marbut sew sa minn ħafna snin ilu mas-Soċjetà Filarmonika La Stella u mal-Parroċċa ta’ San Ġorġ. Għalhekk nhar il-Ħadd li ġej il-Banda tagħna, wara marċ qasir, tilqa’ l-ħruġ tal-istatwa artistika ta’ San Pawl bl-Innu lil San Pawl Nawfragu, mużika tas-Surmast tagħna l-Prof. Joseph Vella. Dritt wara l-innu, is-Surmast Vella se jiddirieġi programm varjat ta’mużika fil-pjazza tar-raħal.
Din is-sena d-daqq tal-innu l-kbir għandu sinifikat speċjali. Dan għaliex is-Surmast Vella kien ikkomponieh fl-1965, jiġifieri 50 sena ilu, meta kien għad għandu biss ftit aktar minn għoxrin sena. Il-mużika tas-Surmast Vella, li hija mxerrda mhux biss f’Malta u Għawdex imma anke f’ħafna pajjiżi barra minn Malta, tagħmel unur kbir lis-Soċjetà u l-Banda tagħna. Il-kliem ta’ dan l-innu kien inkitieb minn Mons. Ġużè Agius.
(Ritratti: Mario Casha)