Join Us On:

News Archive

L-IMMAKULATA KUNĊIZZJONI: FESTA TA’ L-ISTILLA

It-8 ta’ Diċembru jimmarka jum speċjali fuq il-kalendarju tal-belt Victoria. Fis-santwarju l-qadim tal-Qala, li qabel kien il-knisja parrokkjali, issir festa sabiħa lill-Immakulata Kunċizzjoni. Imma huwa f’din il-belt, proprju fi ħdan il-komunità Franġiskana Konventwali, li tiċċentra ruħha ċ-ċelebrazzjoni festiva ta’ din is-solennità kbira Marjana.
 
Iva, il-festa ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni – twemmin li l-Knisja Kattolika żammet bħala domma sa mill-1854, imma li kien ilu diskuss qalb it-teologi tagħha u ċċelebrat b’qima fost bosta Kristjani għal sekli sħaħ qabel – hi waħda mill-akbar festi tal-verġni Marija. Il-liturġija ta’ dan il-jum hi biżżejjed biex tindika s-sbuħija u l-kobor li jevoka dan il-misteru kbir marbut ma’ Marija, Omm Alla. 
 
It-tnissil bla tebgħa ta’ Marija, miġbur fl-espressjoni sabiħa “L-Immakulata Kunċizzjoni”, sa mill-qedem kien fil-qalba tad-devozzjoni Franġiskana. Hawn fir-Rabat il-preżenza ta’ wlied San Franġisk kienet dejjem waħda attiva, u l-patrijiet Konventwali qatt ma qatgħu jagħtu servizz lin-nies ta’ l-inħawi sa minn qabel twaqqaf dan il-kunvent sabiħ, proprju f’wieħed mill-iktar postijiet ċentrali tal-belt, Pjazza San Franġisk. Magħhom ġabu din id-devozzjoni, u fil-fatt il-festa ta’ l-Immakulata fil-knisja ta’ San Franġisk dejjem kienet iċċelebrata bil-kbir. Kien bil-ħidma tal-gwardjani u l-patrijiet ta’ dan il-kunvent li, maż-żmien, il-festa tat-8 ta’ Diċembru – “Stilla tal-maltemp”, kif nafuha – ġibdet lejha aktar u aktar nies. It-tradizzjonijiet u l-istorja għanja marbuta ma’ din il-festa huma ħafna iżjed milli wieħed jaħseb. Kienet il-Fratellanza ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni, imwaqqfa b’kostituzzjoni tagħha fuq il-passi ta’ dik tal-belt Valletta, li ħadet f’idejha l-organizzazzjoni tal-festa.
 
Għalhekk wieħed ma jistagħġibx li wieħed mill-aqwa kompożituri tal-mużika sagra li qatt ra Għawdex, Mons. Giuseppe Farrugia (“Tal-Vers”), kiteb innu u antifona mill-isbaħ biex jindaqqu għall-jiem tal-festa f’din il-knisja. Il-festività ta’ kull ċelebrazzjoni kompliet tissebbaħ bil-miġja ta’ sett ta’ erba’ qniepen, li tbierku fuq ħamsin sena ilu. Il-melodija ta’ dan is-sett hi waħda mill-isbaħ fil-gżira, minkejja li jinsab f’wieħed mill-iżgħar kampnari ta’ Għawdex. Il-festi li saru fl-2004, b’tifkira tal-mija u ħamsin anniversarju tad-domma ta’ l-Immakulata, nistgħu ngħidu li ħabbtuha ma’ kull festa parrokkjali oħra.
 
Is-Soċjetà Filarmonika La Stella m’hi xejn barranija għall-festa tal-Kunċizzjoni ċċelebrata f’din il-komunità, u dan hu marbut sostanzjalment mar-rabta importanti u naturali tal-parroċċa ta’ San Ġorġ mal-komunità Franġiskana Konventwali tar-Rabat, rabta li hi antika u qawwija. Niftakru li n-nies li joqogħdu fl-inħawi “ta’ wara San Franġisk”, magħrufa antikament fostna bħala “Tas-Sitt Xhur”, huma wħud mill-aqwa partitarji Ta’ l-Istilla. L-ewwel programm mużikali tal-banda La Stella li nafu bih, sewwa sew sena qabel it-twaqqif legali tagħha, kien fi Pjazza San Franġisk, għall-festa ta’ Sant’Antnin fl-1880. Barra minn hekk, il-banda ċittadina La Stella sa mill-bidu nett tat is-servizz tagħha fil-festi esterni ta’ l-Immakulata, u minn dejjem kellha l-privileġġ li takkumpanja l-purċissjoni bl-istatwa meraviljuża ta’ Salvatore Psaila mat-toroq tar-Rabat. L-Għaqda Armar fi ħdan is-Soċjetà, imbagħad, tul is-snin tat l-għajnuna kollha li setgħet biex l-inħawi tal-knisja u l-kunvent ikunu mżejna mill-aħjar u mhux inqas minn festi oħrajn. Wieħed jinnota b’sodisfazzjon li l-lum, bil-ħidma tal-Maħżen 8 ta’ Diċembru 1854, qed jinbena bil-mod armar ġdid għall-festa.
 
Ma semmejniex, imma, li anki l-istess Soċjetà La Stella għandha rabtiet ma’ l-Immakulata u l-festa tagħha, fl-istess tnissil tagħha. Hi teorija plawsibbli li l-isem oriġinali La Stella Vincitrice kien ispirat mill-figura sabiħa ta’ l-Immakulata, li s-Soċjetà sa minn dejjem kellha għażiża għaliha. Anki l-isem tal-każin Astra jinftiehem iżjed f’dan il-kuntest. Hu x’inhu, is-Soċjetà tagħna dejjem kellha mħabba speċjali lejn Marija Immakulata, u l-isem tagħha jfakkarha f’din l-“Istilla” sabiħa, tant għażiża għall-partit kollu Ta’ l-Istilla.
 
Għalhekk, għal sena oħra, il-banda La Stella m’hix mistiedna imma tinsab id-dar f’festa li qiegħda tikber minn sena għall-oħra – minkejja li t-temp kważi qatt m’hu favorevoli – u għal sena oħra qed tagħti s-servizz gratuwitu tagħha għall-festa ta’ l-Immakulata fir-Rabat, il-festa tagħha u ta’ niesha. Magħha jingħaqdu baned oħra, imma hi li żżomm id-dritt li tilqa’ lil Marija Immakulata fil-bieb tal-knisja, hekk kif ix-xbieha sabiħa tagħha tixref fuq l-għatba u tħalli lil kulħadd fi Pjazza San Franġisk bi tferfira ma’ ġismu kollu. Għax żgur li ħadd iżjed mill-banda La Stella – bl-istorja tagħha, marbuta hekk minn ġewwa u sa minn dejjem ma’ din il-festa – m’għandu d-dritt u ma jixraqlu daqshekk l-unur li jdawwar b’sens ta’ ġieħ, kburija u mħabba lil Marija Immakulata mar-Rabat. Staqsi lil min trid fost il-bandisti u l-membri tas-Soċjetà u żgur kulħadd jgħidlek kif, wara l-festa ta’ San Ġorġ, dik ta’ l-Immakulata hi l-iktar għażiża u għal qalb “Ta’ l-Istilla”!
 
F’dan il-jum ta’ Diċembru, hekk sabiħ għall-belt Victoria, awguri mill-qalb lill-ulied kollha ta’ l-Immakulata… u allura, il-festa t-tajba lil “Ta’ l-Istilla”!