Join Us On:

News Archive

L-IMMAKULATA KUNĊIZZJONI – KTIEB ĠDID TA’ ANTHONY FARRUGIA

Nhar it-23 ta’ Ottubru 1836, salt fratelli tal-Immakulata Kunċizzjoni, mhux aktar minn tletin, iltaqgħu f’konsulta, fl-oratorju tal-Fratellanza tagħhom, fil-kunvent ta’ San Franġisk tar-Rabat, Għawdex, sabiex jiddeċiedu jekk kellhomx jordnaw statwa ġdida tal-Immakulata Kunċizzjoni jew inkella jibqgħux b’dik li diġà kellhom.  L-istatwa li sa dakinhar kienu jdawru waqt il-purċissjoni tagħhom tal-Immakulata, kienet qdiethom tajjeb għal dawk l-aħħar 21 sena li laħqu għaddew minnfuqha, minn mindu li kienet saret fl-1815.  Din kien ħadimhielhom ċertu Ignazio Vacchieri, Kapural tar-Riġment Irjal Sqalli.  Imma ma jmurx wieħed jaħseb li din kienet l-ewwel statwa tal-Immakulata, għax qabilha, il-fratelli tal-Kunċizzjoni kellhom statwa oħra li kienet manikkin u li kien jitlibbes ilbies fin u sabiħ kollu mberfel bil-freneż u glalen.  Dan il-manikkin tal-Immakulata huwa għalhekk wieħed mill-eqdem xbihat ta’ statwi li Għawdex ra jiddawwar f’purċissjoni minn tiegħu ta’ festa ferrieħija, li kienet issir ta’ kull sena, kull 8 ta’ Diċembru fit-toroq tar-Rabat tiegħu, jerga’dan gawdih sa minn qabel is-sena 1657.  

JMJ_0058

Issa fl-1836, il-fratelli tal-Immakulata kienu għamlu l-aħħar sforz, biex ix-xewqa tagħhom li jerġgħu jibdlu l-istatwa tagħhom f’oħra minquxa kollha kemm hi mill-injam, bħalma kien jaf joħloq u jsawwar Mastru skultur Salvatore Psailasetgħet sa fl-aħħar isseħħ.  Kienu fdaw dik l-ordni għand skultur Bormliż, imma daqstant ukoll Naduri, għax omm Salvatore Psaila kienet Għawdxija minn raħal il-qaddisin Pietru u Pawlu.  Ħabat tajjeb li Salvatore kien qed jagħmel xi xogħol ta’ tinqix fuq l-artal tal-Madonna tal-Karmnu ġewwa l-Parroċċa tan-Nadur.  Nhar is-16 ta’ April 1837, Psaila nzerta reġa’ kien Għawdex, u l-fratelli tal-Immakulata ftehmu miegħu li jeħduh għand in-Nutar Antonio Saliba, ta’ Baskal tal-Għajn, għażeb tal-iskola, joqgħod fit-triq tal-Gran Fontana u Kunċizzjonist akkanit sa minn tfulitu bħal missieru Pasquale.  Kienu għaddew għalih biex marru miegħu għand in-Nutar, tnejn min-nies: Calcedonio Speranza, li kien kirurgujaħdem l-Isptar Ċivili ta’ Għawdex, il-Kanċillier tal-Fratellanza tal-Immakulata Kunċizzjoni u Publio Refalo, ir-Rettur tagħha, li tfulitu kien għaddiha jitrabba fuq Għajn Qatet, imma mbagħad minn mindu kien ħa l-fewdu tal-Barmil u ta’ Bordin fil-limiti tal-Parroċċa tan-Nadur u waqgħu f’idejhb’kera li ħa mingħand il-Kuruna Ingliza, kien ġarr lil missieru Francesco u lill-familtu lkoll miegħu fir-razzett tal-Barmil,ħdejn il-knisja tal-Ħniena, fix-Xekwija. Flimkien miegħu, kien mar jgħix ukoll ibnu, il-Kanonku Dekan, Salvatore Refalo.  

Calcedonio u Publio kienu ftiehmu mal-iskultur Psaila biex jonqxilhom statwa tal-Immakulata tal-injam, li kellha tkun tixbah f’kollox lil dik li kien ħadem Mastru Mariano Gerada għall-Kolleġġjata tal-Isla, Malta.  B’ħlas għal din ix-xbiha u għall-pedistall li kellu jagħmel għal taħtha, Publio u Calcedonio f’isem il-fratelli tal-Immakulata Kunċizzjoni, wiegħdu li jħallsu lill-iskultur is-somma ta’ tliet mija u ħamsin skud ta’ Malta.  

Dlonk ftit wara kienet faqqgħet il-marda qerrieda tal-Kolera,li qarset lir-Rabat u minnu ġarret ħemel fuq ħemel ta’ mejtin. Kien wara li Għawdex reġa’ stejqer, meta nhar it-2 ta’ April 1838, l-Arċipriet tar-Rabat, Dun Fortunato Cutjar, iben l-Avukat Matteo Benigno Cutajar, twebbel li jordna l-istatwa ta’ San Ġorġ Martri, għand l-iskultur Pietro Paolo Azzopardi.  Dakinhar, l-Arċipriet Cutajar kien rabat lill-iskultur Azzopardi b’kuntratt li kien sar quddiem in-Nutar Nicolò Tabone fejn wiegħed li jħallas ta’ San Ġorġ, il-prezz ta’ erba’ mitt skud.  Safrattant, Salvatore Psaila beda l-ewwel tħejjijet tiegħu fuq l-istatwa tal-Immakulata. Dlonk newwel lill-fratelli d-disinn tal-pedistall li fuqu kellha titpoġġa l-istatwa l-ġdida. Imma f’Għawdex waqa’ għaks kbir.  Il-fratelli tal-Immakulata bdew jiġbru l-flus bejniethom bi tbatija, għax il-flus mill-idejn kienu nixfu.  Minkejja kollox, huma amlu l-qalb b’xulxin, imma kienu ftit fil-għadd u batew biex wasslu x-xewqa tagħhom sat-tmiem.  

L-Arċipriet Fortunato kien laħaq għamel ġabra kbira minnqalb il-parruċċani tiegħu, u bejn min sab min iwieżnu tajjeb u bejn li s-sasla tiegħu daqqet skud wara ieħor, għax il-merħla tiegħu irrendiet aktar, nhar it-23 ta’ April 1839 kien irnexxielu jżanżan l-istatwa l-ġdida ta’ San Ġorġ, b’festi kbar li saru fir-Rabat, li fihom ħadem sehem banda.  Il-Kunċizzjonisti kienu qed jittamaw li Psaila jeħlisilhom l-istatwa tagħhom saDiċembru, imma meta wasal il-Milied tal-1839, u f’idejhomma kien għad kellhom xejn, ħames Kunċizzjonisti akkaniti telgħalhom San Filep u telgħu ifittxu l-iskultur Psaila Birkirkara, fejn sabuh.  Salvatore kien bniedem ta’ rasu. Minkejja li l-fratelli saħqu miegħu biex ikompli jaħdem l-Immakulata ġewwa l-gżira ta’ Għawdex, hu ma ried jaf b’xejn.  Minn fuq, talabhom biex jagħtuh il-flus, minkejja li l-fratelli ma kinux obbligati jagħtuh ħabba, ġaladarba l-kuntratt kien jistipola li huwa kellu jitħallas hekk kif jeħles l-Immakulata u mhux qabel.  Il-fratelli riedu għalhekk jarawminn fejn ser iġibu l-flus malajr.  Rahnu ġidhom, rahnu l-fidedu d-dehbijiet li kellhom, issellfu mingħand dak u l-ieħor, ħaqq ukoll l-għajuna li sabu f’xi Kanonċi li kienu fratelli tal-Immakulata u wlied il-Kunċizzjonisti missirijiethom bħalma kien Dun Antonio Cauchi ta’ Gulielmu wieħed minnhom,sabiex għaddew il-flus li talab mingħandhom l-iskultur Salvatore Psaila.

Minkejja dan, Psaila baqa’ jkarkar, sena wara oħra sa ma għaddew għaxar snin mill-kuntratt.  Kien inqabad b’ordnijiet ta’ statwi oħra li ried ilesti.  Jerġa’ l-kunvent tal-patijiet baqa’ jara tibdiliet fil-Gwardjani tiegħu kull triennju, min kien jaqbel ma dak li oriġinarjament kien ħolom bih Patri Mikelanġ Axisa, il-Padre Spirituale tal-fratelli Kunċizzjonisti,u min ipprefera li jħalli lill-fratelli jfendu għal rashom.  Iżda Publio u Calcedonio baqgħu jittamaw li sa fl-aħħar Psaila jsib min idawlu forsi jaqbad u jserraħ l-iskalpell tiegħu darba għal dejjem fuq l-Immakulata.  Darba minnhom għaddielhom ħsieb li jqabbdu lin-Nutar Nicolò Tabone, l-istess wieħed li kien għamel il-kuntratt tal-istatwa ta’ San Ġorġ, sabiex jieħu din il-biċċa nkwiet fuq l-istatwa f’idejh u jara jsibx tarf ta’ dik il-kobba mħabbla.  Il-fratelli tal-Immakulata kienu tassew sabu fih ħabib fis-suq, mhux biss għax dan in-Nutar Tabone kien joqgħod sewwa sew fis-Suq tar-Rabat, imma għaliex dan kien imżejjen b’don li kien jagħmel minn ilsienu, ilsien taz-zokkor, u l-kliem tiegħu li jipperswaduk kienu ħadmu b’seħer fuq Salvatore Psaila, li b’katina ma kontx tħarrku, imma b’daqsxejn ta’ kelma ħelwa, in-Nutar Tabone kien ġabu fejn ried hu, u Psaila ssokta b’ħidmietu fuq l-Immakulata tal-Għawdxin bħalma n-nemel idur għall-ħelu.  Għall-bidu tas-sena 1847, il-fratelli tal-Immakualta kitbu petizzoni lill-patrijiet tal-kunvent, li kienu għadhom kemm difnu lill-Patri Axisa, ħuhom.  Jumejn fuq il-funeral ta’ dan, il-Gwardjan Vincenso Pisani u ħutu l-patrijiet l-oħraaċċettaw li jilqgħu l-istatwa ta’ Salvatore Psaila f’darhom, biex minn dakinhar l-istatwa setgħet tibda tinqiem f’niċċa ġewwa l-knisja tagħhom ta’ San Franġisk, tar-Rabat, Għawdex.

Mhux ta b’xejn għalhekk li l-istatwa l-Immakulata, li hija l-ewwel li ma ġiet ordnata, u l-istatwa ta’ San Ġorġ li tlestiet qabilha, minkejja li kienet ordnata sena neqsin ħmistax warajha, huma t-tnejn marbuta ħaġa waħda ma xulxin.  Dan għaliex it-tnejn saru fżmien daqstant qrib ta’ xulxin, it-tnejn huma Rabtin, minn għerq il-gżira Għawdxija, wieħed huwa frott il-ħsieb ta’ Arċipriet, l-oħra ħarġet mix-xewqat tal-fratelli tagħha msawwra għand il-patrijiet Minuri Konventwali. Fuq kollox San Ġorġ, li tlesta qabel, ma għaddiex mingħajr l-Immakulata tiegħu li tlestiet ferm wara, lanqas ma l-Immakulata Kunċizzjoni marret toqgħod mingħajr ma jkun hemm ħdejha u magħha San Ġorġ tagħha.  Huwa ħabba f’hekk li San Ġorġ sar għal Għawdex tiegħu l-istilla tiddi kollha dija waqt li l-Immakulata Kunċizzjoni saret għalina ż-żîna Marjana tar-Rabat Għawdex, għax San Ġorġ huwa tabilħaqq l-istilla tiddi li tilma’ fl-Immakulata Kunċizzjoni, lihija HI ta’ din id-dija, l-Istilla Matutina. 

Kopji tal-ktieb jistgħu jinkisbu mingħand l-awtur fuq in-numru 79094385 jew [email protected]  

(Ritratti: Joe Attard)