L-IMMAKULATA KUNĊIZZJONI
Meta mal-irxiex taqa’ s-sollennità tat-Tnissil migħajr Ħtija tal-Verġni Mqaddsa Marija u jisbaħ il-bnazzi kaħlan tat-8 ta’ Diċembru, it-turija qaddisa tal-verġinità ċelesti tas-sema li tilma’ fl-Immakulata Kunċizzjoni, jiżgħad il-ferħ f’qalb is-Soċjetà Filarmonika La Stella li tagħraf sa minn f’isimha stess, lejn fejn għandu joktor ġieħha f’dawn il-jiem u tfakkar it-tifkira dejjiema tagħha ta’ Dik il-waħdiena li għijHa stess ġiet imsemmija – La Stella Vincitrice. Għax tassew, ma hijiex din il-festa tal-Immakulata barranija u għariba għas-Soċjetà tal-istilla, iżda, bil-kontra, hija l-Kunċizzjoni l-għoġba tagħha, l-għażiża tagħha, għalhekk iż-żîna Marjana, għaliex isimha stess jixhed kemm din hija tagħHa, għażiża għaliha bħalma huwa għażiż għaliha San Ġorġ. Forsi fil-festa tal-kbir Martri ta’ Kristu, is-Soċjetà tidher aktar li tagħmel ħoss u tiffesteġġja bil-kbir, imma daqstant ukoll, fis-skiet ta’ qalbha u mhuwiex, għall-ksieħ ta’ xitwa ġejjiena, li fl-Immakulata, is-Soċjetà La Stella tagħraf ukoll kemm hija marbuta bis-sħiħ magħha, tfittex u tħammem, dan taf issibu sa minn għeruqha. U jingħataw raġunijiet għaliex.
- Illum huwa storikament magħruf li l-ebda żewġ statwi tal-purċissjonijiet, hawn fir-Rabat, ma ġew mixtieqa u magħmula daqstant viċin ta’ xulxin, daqstant qrib ta’ wieħed mal-oħra, daqs l-Immakulata Kunċizzjoni ta’ Salvatore Psaila u San Ġorġ ta’ Pietro Paolo Azzopardi. Is-16 ta’ April 1837, il-jum li fih sar il-kuntratt biex issir l-istatwa tal-Immakulata, u t-2 ta’ April 1838, il-jum li fih ġiet ordnata l-istatwa ta’ San Ġorġ, ma humiex imbegħdin minn xulxin b’sena żmien. Possibli li dan ma jfisser xejn għal ħadd? Hija għalhekk din, prova mill-aktar ċara, ta’ kemm il-poplu Rabti ma riedx li jweġġah lil waħda, mingħajr ma jgħaddi milli jkollu xbieha tal-ieħor. U hekk seħħ, u hekk ġara. F’nofs is-seklu dsatax, il-poplu Rabti għamel żewġ statwi għall-purċissjonijiet: L-Immakulata Kunċizzjoni u San Ġorġ. Dawk ried u dawk għamel.
- Hija l-Immakulata festa tal-Istilla, għaliex hija Hi l-Istilla, stilla Ġorġjana. U dan jinkixef u jintwera għax kemm fil-festa tal-Immakulata, kemm f’dik ta’ San Ġorġ, jinstemgħu ħsejjes jixxiebhu. Kemm f’ ta’ waħda, kemm f’tal-ieħor, il-widna tidra malajr u tinduna mill-ewwel, kemm il-ħsejjes għat-tnejn huma komuni u bħal ta’ xuxlin, kemm il-melodija tal-qniepen tikkumplimenta lit-tnejn, kemm il-briju tal-banda huwa għat-tnejn l-istess, kemm l-ilħna li jkantaw huma l-istess, kemm il-mużika fil-knisja ħarġet għat-tnejn li huma, minn moħħ wieħed. Kemm l-antifona u l-innijiet li jitkantaw f’ġieħ l-Immakulata għandhom gosti fini, rikki u waħdiena ta’ Monsinjur wieħed li ntona melodiji ta’ ġieħ f’ġieħ l-Immakulata, l-istess bħalma għamel ukoll b’tifħir faħħari lil San Ġorġ. Forsi l-qalb tiegħu kienet qed tgħum f’dwejjaq u f’ferħ differenti li ħakmuh meta kiteb innu u innu, antifona u antifona, imma fl-aħħar mill-aħħar, dawn huma t-tnejn, it-tfassil tal-istess ħassieb.
- Hija festa għażiża għal tal-Istilla għaliex tiġbed lejha l-istess nies Ġorġjani: Ġorġjani Ġorġjani, Ġorġjani Franġiskani, Konventwali Ġorġjani, Kunċizzjonisti. Hija festa li sserraħ fuq l-istess ħiliet tal-istess nies. Hija l-banda La Stella li sena wara oħra, sa minn mindu ħadet isimha, dejjem daqqet fil-purċissjoni tal-Immakulata. Hija festa, li s-Soċjetà La Stella, meta ttentata tagħżel bejnha u oħrajn, qatt ma ċediet. Dejjem żammitha għaliha, għaliex ma tinfiridx minn magħha, għaliex hekk fassluha għaliha l-antenati tagħha. Qatt ma jkun għaliha li tgħaddi mingħajrha, għaliex l-immakulata u San Ġorġ, dejjem kienu, sa mill-bidu, tul iż-żmien, Stilla fi Stilla, Stilel tal-Istilla, Stilel ta’ ġieħ.
Ġieħ il-festa tal-Immakulata jferraħ lil kulħadd. Il-festa t-tajba!
(Ritratti: Joe Attard)