Join Us On:

News Archive

L-IKBAR ‘NORMA’ WARA CALLAS FIT-TEATRU ASTRA

It-Teatru Astra f’Għawdex irnexxielu jakkwista s-servizzi u l-ħiliet tas-sopran Griega Dimitra Theodossiou li din is-sena se tkanta l-parti ta’ Norma fl-opra tant diffiċli li ġġib l-istess isem u li se ssir f’żewġ serati bħala parti mill-ftuħ tal-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Festival Mediterranea, issa fl-għaxar sena tiegħu. Theodossiou hi meqjusa bhala l-ikbar ‘Norma’ wara s-sopran leġġendarju Maria Callas.
 
Theodossiou u membri oħra tal-kast prinċipali għall-produzzjoni li jmiss tal-opra ta’ Vincenzo Bellini ġew konklużi fl-aħħar jiem. Norma se ssir il-Ħamis 27 t’Ottubru u s-Sibt 29 t’Ottubru.
 
Permezz ta’ din l-opra Dimitra Theodossiou, li hi sopran ta’ klassi dinjija, se tkun qed tkanta għall-ewwel darba f’Malta. Minbarra għar-rwol ferm diffiċli tagħha f’din l-opra ta’ Bellini, hi magħrufa ferm ukoll għal diversi rwoli oħra li jġibu l-istess isem tal-opra fosthom f’Aida ta’ Giuseppe Verdi, f’Lucia di Lammermoor, Anna Bolena u Lucrezia Borgia ta’ Donizetti kif ukoll rwoli oħra ferm impenjattivi fosthom f’diversi opri ta’ Verdi bħar-rwol ta’ Violetta f’La Traviata, Odabella f’Attila, Gisela f’I Lombardi, Elisabetta f’Don Carlo u Lady Macbeth f’Macbeth kif ukoll ir-rwol ta’ Mimì fl-opra ta’ Giacomo Puccini La Bohème u oħrajn. B’mod regolari hi tkanta fit-teatri u s-swali l-iktar importanti madwar id-dinja fosthom f’Royal Opera House Covent Garden, f’Teatro alla Scala f’Milan, f’diversi teatri tal-opra madwar l-Italja fosthom f’Ruma, Verona u Napli, kif ukoll fil-belt kapitali ta’ pajjiżha Ateni, Frankfurt, Lisbona, Tokjo, St Petersburg, Munich, Madrid, Monte Carlo, Sao Paolo, il-Ġappun u Seoul fost oħrajn.
 
It-tenur Taljan Antonino Interisano se jirritorna għal darb’oħra fit-teatru f’Għawdex, din id-darba għall-parti ta’ Pollione filwaqt li l-mezzo-sopran Rumena Oana Andra se tkanta l-parti ta’ Adalgisa. Il-baxx Taljan Dario Russo se jkanta l-parti ta’ Oroveso.
 
Antonino Interisano mhux kantant ġdid għal Għawdex. Dawk li jsegwu l-produzzjonijiet tal-opra fit-Teatru Astra jiftakru b’rikordji mill-isbah l-interpretazzjonijiet tiegħu tal-parti tad-Duka ta’ Mantova fl-opra Rigoletto ta’ Giuseppe Verdi (Teatru Astra, 2009), dik fil-parti ta’ Calaf fl-opra Turandot ta’ Puccini (Teatru Astra, 2008) u l-interpretazzjoni eċċellenti tiegħu fil-partijiet ta’ Canio f’I Pagliacci ta’ Leoncavallo u ta’ Turiddu f’Cavalleria Rusticana ta’ Mascagni (Teatru Astra, 2006).
 
Oana Andra hi solista magħrufa ferm li tkanta ma’ National Opera Bucharest u fl-aħħar snin kienet mistiedna tkanta f’diversi teatri Ewropej u Asjatiċi fosthom f’Teatro La Fenice f’Venezja l-Italja, fl-Opéra de Monte-Carlo f’Monaco, fl-Alte Oper, Jahrhundert-halle u fi Städtische Bühnen fi Frankfurt am Main fil-Ġermanja, f’Théâtre Châtelet f’Pariġi Franza, fl-Opéra Royal de Wallonie f’Liège il-Belġju, f’Gewandhaus f’Leipzig il-Ġermanja, f’Birmingham Symphony Hall fir-Renju Unit, f’Deutsche Welle f’Köln il-Ġermanja u f’Bunkamura Orchard Hall u Tsuda Hall f’Tokjo il-Ġappun.
 
Għalkemm għadu żgħir, il-kwalitajiet tal-baxx Dario Russo diġà ħaduh f’diversi teatri fl-Italja u anke barra minn pajjiżu. Jispikkaw l-iktar esperjenzi f’Teatro Carlo Felice f’Genova, f’Teatro Reggio f’Turin, f’Teatro Massimo Vincenzo Bellini f’Katanja, f’Teatro Reggio ta’ Parma, kif ukoll fi Gran Teatre Liceu f’Barċelona, f’Obidos Opera Festival fil-Portugall, waqt Concertgebouw f’Amsterdam u fil-Ġappun bħala parti minn tour li kien qed jagħmel it-teatru ta’ Katanja f’dan il-pajjiż.
 
Għall-opra Norma l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta se titmexxa mis-surmast direttur il-Professur Joseph Vella filwaqt li bħas-soltu, il-produzzjoni tal-opra se tinvolvi b’mod qawwi lill-kor residenti tat-teatru, it-Teatru Astra Opera Chorus imħarreġ minn Maria Frendo.
 
Din is-sena t-Teatru Astra afda l-produzzjoni artistika tal-opra f’idejn id-direttur Taljan Enrico Stinchelli, meqjus bħala awtorità fl-Italja f’dak kollu li għandu x’jaqsam mal-opra. Hu magħruf b’mod partikolari għall-programm tiegħu ta’ kuljum “La Barcaccia” dwar il-muzika klassika u lirika li jixxandar fuq RAI Radio 3, u d-direzzjoni ta’ diversi produzzjonijiet tal-opra li ħaduh f’diversi teatri importanti fl-Italja fosthom f’Ruma, f’Bologna u f’Taormina kif ukoll fil-Bulgarija u fil-Ġappun bi produzzjonijiet ta’ Tosca, Barbiere di Siviglia, Fedora, Aida, Carmen, Norma, La Traviata, Il Trovatore, Rigoletto, Falstaff u Gianni Schicchi. Enrico Stinchelli diġà żar it-teatru Astra f’Għawdex u ltaqa’ mal-voluntieri li din is-sena se jkunu qed jerġgħu joħolqu dan il-proġett kulturali, li bħas-soltu hu biċċa xogħol ta’ mħabba u dedikazzjoni minn mijiet ta’ voluntieri biex ikompli jissaħħaħ l-apprezzament lejn l-opra lirika fil-pajjiż.
 
Festival Mediterranea din is-sena se jkun qed jiċċelebra l-10 edizzjoni tiegħu. Il-programm tal-attivitajiet ġie ppubblikat fl-aħħar jiem fuq il-website tal-festival stess, b’iktar dettalji ta’ kull attività mistennija jitħabbru fil-ġimgħat li ġejjin. Il-festival jibqa’ għaddej għal iktar minn tliet ġimgħat, sad-19 ta’ Novembru.
 
L-opra Norma u Festival Mediterranea huma organizzati mit-Teatru Astra f’Għawdex bil-għajnuna ta’ Bank of Valletta, l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, Vodafone Malta Foundation, il-Ministeru għal Għawdex, il-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment, il-Ministeru tal-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Impjiegi u l-Kunsill Malti tal-Kultura u l-Arti.
 
Iktar informazzjoni tista’ tinkiseb minn www.mediterranea.com.mt, l-indirizz email [email protected] jew bit-telefon fuq in-numri 21550985 jew 99883007. Bookings għall-attivitajiet jistgħu jsiru fuq l-indirizz elettroniku [email protected].