L-GĦID IT-TAJJEB !
Illum il-Knisja universali tiċċelebra dik li hi l-akbar festa matul is-sena, l-qawmien mill-mewt wara t-tielet jum ta’ Sidna Ġesu’ Kristu, il-festa tal-Għid il-Kbir. Il-Banda Ċittadina La Stella dalgħodu ħadet sehem fil-purċissjoni tal-Għid li ħarġet mill-Bażilika ta’ San Ġorġ fid-8.45am fejn akkumpanjat l-vara ta’ Kristu Rxoxt, skultura fl-injam ta’ Alfred Camilleri Cauchi (1997). Fuq inizjattiva tal-benefatturi Mario u Joe Attard din il-vara din is-sena ġiet restawrata mill-iskultur Alfred Camilleri Cauchi, sewwasew wara għoxrin sena minn meta żżanżnet. Il-Banda Ċittadina La Stella, matul il-purċissjoni daqqet diversi valzi mir-repertorju mużikali tagħha. L-Arċipriet tal-parroċċaa tagħna, Mons. Joseph Curmi, akkumpanja l-purċissjoni u qassam diversi figolli liċ-ċkejknin preżenti fit-taraġ tal-Bażilika.
B’hekk waslu fi tmiemhom l-attivitajiet marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa u l-Għid il-Kbir. Minn hawn nagħmlu appuntament ieħor importanti għal nhar il-Ħadd 23 t’ April 2017 festa liturġika ta’ San Ġorġ, meta fil-11 ta’ filgħodu se jsir il-marċ ta’ Jum San Ġorġ li jitlaq minn Pjazza San Ġorġ sal-Każin La Stella. L-ikla tal-festa se ssir nhar il-Ġimgħa 21 t’April 2017 fit-8pm ġewwa l-Każin La Stella. Biljetti mill-Astra Bar. Dwar l-appuntamenti fil-Bażilika tagħna marbuta mal-festa liturġika tistgħu tidħlu f’dan il-link.