Join Us On:

News Archive

L-GĦAQDA TKATTAR IS-SUĊĊESS

Bħal-lum ġimgħa temmejna l-festi kbar f’ġieħ il-Patrun u protettur ta’ gżiritna San Ġorġ Martri. Il-preparamenti meħtieġa kienu ilhom sew li bdew biex ġie mħejji programm ta’ festi mifrux fuq 43 jum. Issir ħidma kbira tul sena sħiħa mill-għaqdiet kollha u min-numru kbir ta’ persuni li lkoll jiffurmaw parti minn żewġ entitajiet li ħadmu, bħal dejjem, id f’id biex nagħmlu festa, meqjusa minn bosta bħala l-festa tal-festi.

Il-knisja proto-parrokkjali ta’ San Ġorġ flimkien mas-Soċjetà Filarmonika ‘La Stella’ huma ż-żewġ kolonni kbar li fuqhom inbena dan is-suċċess. Is-Soċjetà ‘La Stella’ dejjem imxiet spalla ma’ spalla mal-parroċċa ta’ San Ġorġ u dan għadha tagħmlu u ser tkompli tagħmlu anki fil-futur. Ir-rabta li teżisti bejn dawn it-tnejn hija waħda kbira u ferm eżemplari. Tisma’ b’diversi parroċċi u soċjetajiet mużikali li spiss jaħdmu f’rotta differenti u għalhekk dan id-diżgwid jinħass sew f’avvenimenti bħalma huma l-festi lokali.

Meta s-Soċjetà Filarmonika ‘La Stella ġiet iffaċċjata b’bidla fl-arċipretura f’Settembru li għadda, din ma ġietx kunsidrata bħala tfixkil anzi, b’wiċċna minn quddiem nistgħu ngħidu li s-Soċjetà ‘La Stella’ ħadmet bi sħiħ, l-istess bħalma għamlet ma’ l-Arċipriet Farrugia, illum direttur Spiritwali tas-Soċjetà, biex timxi id f’id mat-tmexxija l-ġdida tal-parroċċa, dejjem iggwidata mill-interess ta’ San Ġorġ.

L-arċipriet Cardona, għall-kuntrarju ta’ l-arċiprieti predeċessuri, kien wiċċ ġdid għal ħafna minna, pero` l-esperjenza ta’ din l-festa immarkat, għal darba oħra, kollaborazzjoni sinċiera bejn il-Bażilika ta’ San Ġorġ u s Soċjetà Filarmonika ‘La Stella, li t-tnejn ħadmu bil-kbir biex għamilna din il-festa grandjuża. Kien ta’ pjaċir kbir ukoll għalina, naraw lill-Arċipriet, u membri tal-kleru oħra, fostna waqt il-marċi brijużi kollha ta’ matul il-ġimgħa tal-festa, entużjasti daqsna lkoll.

Il-festa tirrekkjedi ħafna enerġija, iżda meta tkun f’għaqda u taħdem ma’ persuni lkoll mimlija entużjażmu tagħmel kuraġġ. Il-kumitat tas-Soċjetà mmexxi mill-president żagħżugħ Dr Joseph Grech flimkien ma’ l-amministrazzjoni tal-bażilika Ġorġjana fasslu programm mill-aqwa u tassew eżemplari għal bosta festi oħra f’pajjiżna. Eżemplari għall-fatt li l-ebda attività jew ċelebrazzjoni interna ma’ ġiet imfixxkla minn xi ċelebrazzjoni esterna. Kellna numru kbir ta’ marċi brijużi bis-sehem ta’ tnax-il banda, erba’ dimostrazzjonijiet u diversi ċelebrazzjonijiet li lkoll saru fil-ħin li kellhom isiru. Il-festi interni ngħataw l-importanza li tixirqilhom u tassew inħossuna sodisfatti meta għalihom naraw parteċipazzjoni daqstant kbira min-naħa tal-parruċċani u ta’ persuni oħra.

Ħadd ma jista’ jiċħad li l-festa ta’ din is-sena kienet suċċess. Iżda dan is-suċċess wasal grazzi għall-għaqda li rrenjat bejn il-parroċċa u s-Soċjetà ‘La Stella’ – għaqda li għal dawn l-aħħar 126 sena kompliet dejjem tissaħħaħ. Tassew għandna għax inħossuna fortunati li niffurmaw parti minn din il-familja kbira Ġorġjana-ta’ l-Istilla, familja waħda, magħquda u bħal dejjem eżemplari!

27/07/2008