L-EWWEL SERVIZZ TAL-BANDA GĦAS-SENA 2009
Nhar il-Ħadd l-1 ta’ Frar, il-banda ċittadina La Stella kienet impenjata bl-ewwel servizz tagħha għal din is-sena. Il-banda ħadet sehem fil-festi ċċelebrati fil-Belt Victoria f’ġieh San Ġwann Bosco. Kif semmejna fl-aħħar aġġornament fuq dan is-sit, il-banda għamlet marċ qasir qabel il-ħruġ tal-purċissjoni minn quddiem l-iskola primarja tal-belt Victoria sa Pjazza Tomba fejn jinsab l-Oratorju Don Bosco, u wara akkumpanjat il-purċissjoni madwar it-toroq ewlenin ta’ beltna bid-daqq ta’ marċi reliġjużi. Il-purċissjoni kienet immexxija minn Mons. Pawlu Cardona, arċipriet tal-bażilika ta’ San Ġorġ.
Din is-sena l-Oratorju Don Bosco ċċelebra festi speċjali fejn fakkar il-75 sena mill-kanonizzazzjoni tal-qaddis patrun taż-żgħażagħ u mill-ftuħ tal-ewwel oratorju f’Għawdex – oratorju li kien jinsab proprju fil-post fejn illum insibu ċ-ċentru parrokkjali ta’ San Ġorġ. Wieħed ta’ min ifakkar li f’dak iż-żmien il-festa ta’ Don Bosco wkoll kienet tiġi ċċelebrata. Fil-fatt il-jiem tat-tridu u ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ lejlet u nhar il-festa kienu jiġu ċċelebrati fil-parroċċa ta’ San Ġorġ. L-ewwel oratorju f’Għawdex infetaħ minn Dun Pawl Micallef (1897-1956), saċerdot mill-parroċċa ta’ San Ġorġ. Wara ħmistax-il sena mbagħad l-oratorju sależjan sab postu fil-post fejn narawh illum, jiġifieri fi pjazza Sant’ Wistin.
Intant il-banda La Stella, il-Ħadd li għadda bdiet ukoll bil-preparazzjoni tagħha għall-impenji fil-festi tal-Ġimgħa Mqaddsa f’beltna.
03/02/2009
ritratti: Paul Zammit