L-EWWEL SERVIZZ GĦAL DIN IS-SENA
Nhar il-Ħadd 27 ta’ Jannar, il-banda ċittadina La Stella kienet impenjata bl-ewwel servizz tagħha għal din is-sena. Il-banda ħadet sehem fil-festi ċċelebrati fil-Belt Victoria f’ġieh San Ġwann Bosco. Hija għamlet marċ qasir qabel il-ħruġ tal-purċissjoni minn quddiem l-iskola primarja tal-belt Victoria sa Pjazza Tomba fejn jinsab l-Oratorju Don Bosco, u wara akkumpanjat il-purċissjoni madwar it-toroq ewlenin ta’ beltna bid-daqq ta’ marċi reliġjużi.Din l-okkażjoni kienet waħda importanti ħafna għax fiha ħarġu għall-ewwel darba żewġ bandisti ġodda. Dawn kienu George Borg fuq il-kurunetta u Glenn Curmi fuq l-althorn. It-tnejn studjaw l-istrument taħt id-direzzjoni ta’ George Camilleri. Minn din il-paġna nixtiequ nawgurawlom kull suċċess u nħajru oħrjan biex jagħmlu bħalhom. Ikun ta’ sodisfazzjoni kbir meta naraw individwi jiġu għandna u jitgħallmu jdoqqu strument. Irridu nfakkru li t-tagħlim jiġi provdut mingħajr ħlas u l-banda tipprovdi wkoll l-istrument lill-aljievi tagħha.
Minn hawn il-quddiem il-banda La Stella tibda bil-preparazzjoni tagħha għall-impenji fil-festi tal-Ġimgħa Mqaddsa f’beltna.