L-EWWEL JUM TAT-TRIDU
Hekk kif dħalna fil-qalba tal-festa illejla nibdew it-Tridu Solenni. Din is-sena il-priedka se ssir minn Patri Joe Buttigieg, Gwardjan tal-Patrijiet Franġiskani Kapuċċini tal-Belt Victoria. Il-kant solenni tal-Għasar jibda fis-6.30pm. Inħeġġu lil kulħadd biex jattendi għall-funzjonijiet sbieħ tal-knisja ħalli verament niċċelebraw festa kompluta.
Intant it-Tnejn filgħaxija ġie fi tmiemu l-Victoria International Arts Festival bil-kunċert grandjuż mill-Orkestra Nazzjonali ta’ Malta, taħt it-tmexxija tal-Prof. Joseph Vella, direttur artistiku tal-festival u surmast tal-Banda Ċittandina La Stella. Prosit tassew tal-kunċert eċċellenti li sar u li ta bidu għall-ġimgħa tal-festi kbar.
(Ritratt ta’ Sam Cefai)
Fl-istess jum fi Triq ir-Repubblika saru t-triġrijiet tradizzjonali taż-żwiemel fejn follol kbar ta’ nies ħonqu it-triq prinċipali tal-Belt Victoria ħalli jassistu għal dan l-avveniment annwali. Wara tqassmu l-premijiet lill-parteċipanti rebbieħa mill-Onor. Dr Justyne Caruana, Ministru għal Għawdex, u s-Sindku tal-Belt Victoria, Dr Samuel Azzopardi.
(Ritratt ta’ Alain Salvary – www.gozonews.com)
Il-bieraħ bdew l-impenji tal-Banda Ċittadina La Stella b’marċ mill-Kappella tar-Ragħaj it-Tajjeb (Taċ-Ċawla) sa Pjazza San Ġorġ. Il-Banda Ċittadina La Stella daqqet għall-aħħar darba l-marċijiet irrekordjati is-sena l-oħra biex illejla iżżanżan is-sett ġdid ta’ marċi u li għadhom jistgħu jinxtraw fuq CD mill-każin. Hekk kif il-banda sabet postha fil-pjazza beda l-ħruġ ta’ San Ġorġ minn niċċa, ġo knisja ippakkjata bin-nies. Din hi ħaġa meraviljuża li l-ġorġjani u dawk kollha li jingħaqdu magħna jesperjenzjaw kull sena. Matul il-ħruġ minn niċċa tkantaw l-innijiet popolari Georgus Natus Est u Lill-Kbir Martri San Ġorġ jew kif popolarment magħruf ‘Ġorġi Tagħna’. Hekk kif San Ġorġ xiref fil-bieb tal-bażilika sab tistenniħ il-Banda Ċittadina La Stella fejn sellmitlu bid-daqq tal-innu marċ fost kant u briju minn dawk kollha preżenti. Dritt wara, l-arċipriet Mons Joseph Curmi ġabar madwaru numru sabiħ ferm ta’ adoloxxenti u żgħażagħ għaċ-ċelebrazzjoni ta’ Xhieda Kristjana organizzata mill-Grupp 23four, b’talb u riflessjoni immexxija minn Patri Joseph Formosa.
Wara, il-Banda Santa Marija taż-Żebbuġ Għawdex, daqqet matul id-dimostrazzjoni bl-istatwa artistika ta’ San Ġorġ (1991) ta’ Austin Camilleri. Matul id-dimostrazzjoni ġie inawgurat pavaljun ġdid fi Triq San Ġorġ fuq disinn ta’ Paul Cassar. Fi tmiem id-dimostrazzjoni kien hemm spettaklu ta’ logħob tan-nar maħdum mill-Fontana Brothers fi Triq Enrico Mizzi, organizzat mill-Għaqda Żgħażagħ La Stella.