Join Us On:

News Archive

L-EWWEL ŻJARA TA’ L-ARĊIPRIET CARDONA

Filwaqt li għaddejjin bl-aħħar preparamenti għall-bidu ta’ Festival Mediterranea u għall-Programm mużikali tal-banda, il-bieraħ l-Arċipriet il-ġdid tal-Kolleġġjata Lateranensi tal-belt Victoria Mons. Pawlu Cardona għamel żjara fil-każin tas-Soċjetà Filarmonika “La Stella”, kif ukoll fit-Teatru Astra. F’din iż-żjara l-Arċipriet kien milqugħ mill-viċi president is-Sur Paul Zammit, flimkien mas-Segretarju tas-Soċjetà, is-Sur Dolindo Cassar. Hekk kif daħal fil-foyer tal-każin, l-Arċipriet Cardona sab jilqgħuh numru kbir ta’ bandisti flimkien mas-Surmast Mro Joseph Vella, u membri oħra tal-kumitat.

F’diskors qasir ta’ l-okkażjoni s-Sur Dolindo Cassar sostna li s-Soċjetà “La Stella” bħalma dejjem għamlet lesta li tagħti kull kollaborazzjoni lill-arċpriet il-ġdid tagħha, f’dan il-ministeru ġdid tiegħu. Is-Soċjetà “La Stella” dejjem ħadmet fil-qrib u għall-interessi tal-Parroċċa Ġorġjana u dan żgur li ser tkompli tagħmlu fil-futur.

Mons. Cardona, li tant deher kuntent għall-mod kif ġie milqugħ mill-membri tas-Soċjetà “La Stella” tenna li din is-Soċjetà hija wieħed mill-aktar elementi importanti fil-kommunità parrokkjali mmexxija minnu. Huwa rringrazzja lis-Soċjetà “La Stella” tas-sehem li dejjem tat b’risq il-Bażilika ta’ San Ġorġ u l-parruċċani tagħha.

Intant il-bieraħ, ilqajna fostna wkoll lill-Arċipriet Farrugia, li ġie biex għamel stedina lill-bandisti, lis-surmast u anke lill-membri tal-kumitat biex jattendu għall-quddiesa ta’ radd il-ħajr, kif ukoll għar-riċeviment li ser issir wara li tintemm il-quddiesa, nhar il-Ħadd li ġej. F’din l-okkażjoni l-banda “La Stella” ser tagħmel marċ minn Triq ir-Repubblika sa Pjazza San Ġorġ.

Aktar informazzjoni dwar il-Pussess ta’ l-Arċipriet il-ġdid tal-Knisja Proto Parokkjali u Arċi-Matriċi tal-belt Victoria, fil-jiem li ġejjin.

ritratti: Joe Attard ©