Join Us On:

News Archive

L-EWWEL IMPENN TAL-BANDA FIL-ĠIMGĦA MQADDSA

Il-bieraħ il-banda ċittadina La Stella fetħet l-impenji tagħha marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa fil-belt Victoria, b’kunċert ta’ mużika sagra fil-bażilika protoparrokkjali ta’ San Ġorġ Martri. Preżenti għal dan il-kunċert kien hemm uħud mill-ogħla awtoritajiet fosthom is-sindku ta’ beltna s-sur Robert Tabone, l-arċipriet Mons Pawlu Cardona, l-arċipriet emeritu Mons Ġużeppi Farrugia, membri tal-kleru u membri tal-kumitat tas-Soċjeta’ mmexxija mill-president Dr Joseph Grech.

Flimkien mal-banda La Stella ħa sehem ukoll il-kor residenti tal-bażilika ta’ San Ġorġ Laudate Pueri taħt id-direzzjoni tal-Kan. George J. Frendo. Il-programm fetaħ bid-daqq ta’ tliet marċi funebri mis-sett 2008/09, l-ewwel tnejn kompożizzjoni ta’ żewġ bandisti tagħna: Mario Galea (il-marċ ‘Kuruna tax-Xewk’) u George Borg (il-marċ ‘Sitio’). Indaqq ukoll marċ ieħor tal-kompożitur Antonio Oddo bl-isem La Sollevazione di Cristo.

Żewqu s-serata wkoll il-qari ta’ żewġ poeżiji tal-poeti Ġorġjani: il-Kan. Joe Meylak u George Pisani. L-ewwel poeżija li nqrat kienet dik tal-Kan. Meylak: Crucifige Eum. Il-Kan. Joe Meylak, kanonku tal-Kolleġġjata Ġorġjana, ħalliena f’Diċembru li għadda, u kien xieraq li wkoll f’din l-okkażjoni nagħtuh din it-tislima. Wara l-qari tal-ewwel poeżija, daħal fix-xena l-kor Laudate Pueri fejn esegwixxa kompożizzjoni tal-Prof. Joseph Vella: Miserere op. 37. Din tkantat mis-sezzjoni femminili tal-kor.

Fiż-żewġ siltiet mużikali li segwew, il-kor ingħaqad mal-banda fl-esekuzzjoni tax-xogħol ferm sabiħ tal-ex surmast direttur tal-banda tagħna, Mro Giuseppe Giardini Vella: Stabat Mater. Indaqq ukoll il-marċ, In memoriam Ġanni Galea, kompożizzjoni tal-Prof. Joseph Vella, bil-parteċipazzjoni tal-kor. Il-kliem ta’ dan il-marċ funebri ġew miktuba wkoll mill-Kan. Joe Meylak.

Qabel ġew esegwiti l-aħħar żewġ xogħlijiet, inqrat il-poeżija Omm u Omm tal-poeta Rabti George Pisani. Il-poeżiji nqraw mill-Kav. Joe M. Attard, li preżenta wkoll dan il-kunċert. Il-banda mbagħad daqqet silta mużikali oħra kompożizzjoni tal-ex assistent surmast Mro Sunny Galea, Elegy. Din is-silta mużikali kienet qed tindaqq għall-ewwel darba mill-banda tagħna. L-aħħar xogħol mużikali li għalaq dan il-kunċert kien il-marċ funebri kompożizzjoni tal-Prof. Joseph Vella: La Morte e la Resurrezione, marċ miktub b’dedika lill-ex bandist tagħna Ġużeppi Camilleri.

Dan il-kunċert li għalih kien hemm attendenza ferm tajba, fetaħ ġimgħa ta’ impenji għall-banda La Stella. Nhar il-Ħamis li ġej, Ħamis ix-Xirka, il-banda takkumpanja l-purċissjoni mill-aktar devota tal-Ġimgħa l-Kbira li toħroġ mill-bażilika Ġorġjana. Imbagħad nhar l-Għid il-Kbir, il-banda tmexxi dimostrazzjoni reliġjuża bl-istatwa ta’ Kristu Rxoxt madwar it-toroq ewlenin tal-belt Victoria. Ġimgħa fuq l-Għid imbagħad ikun imiss servizz ieħor marbut ma’ dawn il-festi, ġewwa r-raħal tal-Fontana, fejn il-banda takkumpanja purċissjoni oħra ta’ Kristu Rxoxt.

Ritratti: Joe Attard