Join Us On:

News Archive

L-EWWEL BANDA GĦAWDXIJA F’ART BARRANIJA

Fost il-ħafna ġrajjiet glorjużi tagħha, il-Banda Ċittadina La Stella tfakkar il-ġrajja memorabbli meta 60 sena ilu, kienet l-ewwel Banda Għawdxija u l-ewwel waħda mill-Baned ta’ Malta u Għawdex, li wara li ntemmet il-gwerra, ħalliet ix-xtut Maltin u marret fi Sqallija, l-Italja, fejn daqqet programm mużikali ġo Villa Bellini f’Catania.

Id-dinja kienet għadha kif ħarġet minn gwerra qalila li ħalliet miljuni ta’ vittmi u ltiema. Il-ħerba kbira kienet għadha tidher f’kull rokna ta’ l-Ewropa. F’dan iż-żmien, is-sena 1947, il-Banda Ċittadina La Stella ħolmot li taqsam il-baħar u tmur Sqallija, gżira parti mill-Italja, li fil-ġranet kiebja tal-gwerra kienet l-għadu ta’ pajjiżna, u hemm tagħmel programm mużikali u ddoqq marċijiet fil-belt ta’ Catania.

F’dak iż-żmien il-Banda Ċittadina La Stella kienet taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Giuseppe Giardini Vella, ta’ nisel Sqalli minn Catania. L-idea ġiet f’moħħ Guże Cremona, membru fil-Kumitat li ressaq din il-proposta. Kien hemm minn għoġbitu, iżda s-Surmast Giardini Vella ma tantx niżlitlu mill-ewwel. Ġara, iżda, li l-poplu sema’ biha u mtela’ bl-entużjażmu u Mro. Giardini Vella kellu jindaħal għaliha b’qalbu kollha.

11 ta’ Settembru 1947: JUM MEMORABBLI

Il-Banda Ċittadina La Stella u għadd ta’ partitarji oħra tgħabbew fuq il-vapur M/V Laurana li wassalhom f’din il-belt barranija. Li l-Banda waslet f’din l-art ġa kienet ħaġa kbira, aħseb u ara li, fil-jumejn ta’ wara kellha ssemma leħinha quddiem il-Kataniżi li wrew sodisfazzjon kbir hekk kif tela’ fuq il-palk Mro. Gius.Giardini Vella. Il-banda esegwiet dan l-ewwel programm mużikali b’perfezzjoni u attenzjoni kbira quddiem nies Taljani li kienu mdorrijin jisimgħu mużika ta’ livell għoli. Il-banda daqqet Selection u s-Sinfonija tan-Norma, I Vespri Siciliani, L’Eroica u Danza delle Ore. Ta’ min jgħid li dan il-programm intogħġob ħafna u ta gost lil kull min semgħu. Il-Kataniżi faħħru dan il-programm bħala “programm wisq magħżul”. Il-programm intemm bid-daqq ta’ l-Innu La Stella, l-Innu Malti, God Save the King u l-Innu Taljan tar-Repubblika ta’ Mameli.

Il-Kataniżi ferħu u għajtu bil-kbir “bravissmi”. Mro. Giardini Vella ħa l-prosit li kien jistħoqqlu, filwaqt li bosta bandisti spiċċaw merfugħa fuq l-idejn. Din kienet l-ewwel darba, barra minn pajjiżna, li l-Banda Ċittadina La Stella tat programm mużikali klassiku f’belt barranija u wriet kemm kienet kapaċi u kemm kienet veru ambaxxatriċi dehnja ta’ pajjiżna.

Il-mawra tal-Banda Ċittadina La Stella, f’belt barranija, l-ewwel waħda fl-istorja tal-baned Għawdxin, kienet sfida lill-bandisti li onorawha bl-akbar ħeġġa, immexxija mis-surmast ħabbrieki tagħhom, Mro. Giardini Vella. Dan l-avveniment żgur se jibqa’ mfakkar b’ittri tad-deheb mis-Soċjeta’ La Stella. Huwa xhieda ta’ l-impenn u ħeġġa li dejjem urew il-bandisti u l-membri tal-Kumitat li dejjem kienu minn ta’ quddiem jottjenu dak li ħaddieħor l-anqas biss kien joħlom aħseb w’ara jagħmel. Huwa xhieda tal-prestiġju li dejjem gawdiet il-Banda La Stella, il-Banda Ewlenija ta’ Għawdex.

Kitba ta’ George Borg