Join Us On:

News Archive

L-EWWEL ĦAMIS TA’ SAN ĠORĠ

Illum , nistgħu ngħidu li bdiet uffiċjalment il-preparazzjoni lejn il-festa tal-patrun tagħna San Ġorġ. Illum il-Ħamis 15 ta’ Mejju 2008 huwa l-ewwel Ħamis minn disgħa li ser iwassluna għall-festa l-kbira ta’ Lulju f’ġieh il-Patrun u l-Protettur ta’ l-Għawdxin San Ġorġ Martri.

Għalkemm il-preparazzjonijiet lejn il-festa jkunu ilhom li bdew xhur sħaħ, illum fil-bażilika urbana jibdew disa’ ġimgħat ta’ preparazzjoni spiritwali. Minbarra li matul il-ġurnata l-qniepen Ġorġjani jindaqqu bil-kbir, illejla fis-6.00, Mons. Arċipriet Pawlu Cardona flimkien mal-kapitlu u l-kleru tal-bażilika ser iqaddes konċelebrazzjoni solenni li tagħti bidu għal dawn id-disa’ ġimgħat.

Il-preparazzjonijiet, fejn jidħlu festi esterni jinsabu fl-aqwa tagħhom. Il-banda ċittadina u dekana ‘La Stella’ tinsab fil-preparazzjoni tas-sett ġdid ta’ marċi brijużi li ser jiġu rrekordjati fuq CD fil-ġimgħat li ġejjin. Is-sezzjonijiet l-oħra kollha li jinkludu l-armar, in-nar u l-briju wkoll jinsabu għaddejjin fl-aqwa tagħhom bil-preparazzjonijiet lejn dik li hija meqjusa minn bosta dilettanti tal-festi lokali bħala “l-akbar festa tal-gżira Għawdxija”.

Wara festa kbira, hemm xogħol kbir għaddej – xogħol li jibqa’ għaddej tul sena sħiħa mingħajr waqfien. Iżda mil-lum nistgħu ngħidu li ż-żmien qed joqrob aktar u aktar. Il-programm tal-festi kbar f’ġieh San Ġorġ Martri huwa diġà imfassal. Mil-lum nibdew il-“count down” tagħna lejn il-festa tal-festi – il-festa tal-Martri l-Kbir – il-festa ta’ ĠORĠI TAGĦNA!

15/05/2008