Join Us On:

News Archive

L-EQDEM PURĊISSJONI TAL-ĠIMGĦA L-KBIRA

Il-bieraħ fil-għaxija, fis-7.00pm, il-banda ċittadina La Stella bdiet is-sehem tagħha fl-eqdem purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira f’Għawdex, li toħroġ mill-bażilika ta’ San Ġorġ. Il-banda ħadet postha fi Pjazza San Ġorġ fuq is-siġġijiet imqiegħda apposta biex iddoqq bosta marċi funebri mir-repertorju vast tagħha għal dan iż-żmien tas-sena, waqt il-ħruġ tal-purċissjoni mill-istess bażilika urbana.
 
Il-banda bdiet bil-marċ Mater Lacrimosa ta’ l-eks-surmast tagħha Giuseppe Giardini Vella. Kien imiss wara lill-banda mistiedna, Santa Margerita ta’ Ta’ Sannat, iddoqq l-ewwel marċ funebri tagħha, sakemm imbagħad imxiet fuq quddiem tal-purċissjoni devozzjonali, l-unika waħda f’Għawdex li żammet l-għamla tradizzjonali tagħha, biex issemma’ leħinha fit-toroq tal-belt Victoria. Mad-daqq tal-marċ ċelebri La Sollevazione di Cristo ta’ Antonio Oddo tfaċċat l-istatwa l-ġdida ta’ Ġesù fl-Ort tal-Ġetsemani, imlestija fil-ħin mill-istatwarju Għawdxi Michael Camilleri Cauchi biex setgħet toħroġ għall-ewwel darba fil-purċissjoni. Ta’ min ifaħħar lil dan l-artist għax-xogħol sabiħ li għamel kif ukoll lill-Kumitat tal-Ġimgħa l-Kbira fi ħdan il-bażilika ta’ San Ġorġ għall-ippjanar tal-purċissjoni u l-inizjattivi li qed jieħu għal opri ġodda f’dan il-qasam. Fost l-oħrajn insemmu li din is-sena l-kumitat ħaseb biex jagħmel konfratiji ġodda għar-reffiegħa tal-vari kollha.
 
Il-banda ċittadina ssoktat bis-servizz tagħha fil-pjazza sakemm tfaċċat fil-bieb imponenti tal-bronż il-vara ta’ Ġesù Kurċifiss, kapulavur fl-injam ta’ Pietru Pawl Azzopardi li dan l-aħħar sar fuqu mill-ġdid xi xogħol ta’ restawr minn esperti Taljani. Kien hawn li l-banda ħadet il-post tradizzjonali tagħha quddiem il-Vara l-Kbira biex tkompli ssebbaħ il-purċissjoni bil-marċi funebri tagħha. Ħarġet mill-pjazza bil-marċ ta’ Giuseppe Giardini Vella, Perche Piangi?. Tul it-triq il-banda dekana daqqet diversi marċi funebri li rrekordjat is-sena l-oħra fl-album Salvator Mundi. Il-banda kienet taħt id-direzzjoni tas-surmast tagħha l-Prof. Joseph Vella, li l-ġimgħa l-oħra kien f’Palermo għall-premiere ta’ kompożizzjoni mużikali tiegħu miktuba f’ġieħ il-memorja tal-mibki Papa Ġwanni Pawlu II. Minkejja t-temp xitwi u l-kesħa xxoqq l-għadam, ġmiegħi ta’ nies ħonqu l-irkejjen tar-Rabat biex jaraw għaddejja l-purċissjoni.
 
Is-servizz li jmiss għall-banda issa huwa dak ta’ nhar il-Ħadd li ġej, meta tieħu sehem fid-dimostrazzjoni bl-istatwa ta’ Kristu Rxoxt, li toħroġ mil-bażilika fid-9.00am. Ġimgħa wara, imbagħad, tieħu sehem fil-purċissjoni ta’ Kristu Rxoxt fir-raħal ġar tal-Fontana.

Ritratti: Joe Attard