Join Us On:

News Archive

L-ENTUŻJAŻMU JKOMPLI JIKBER

Wara l-kunċert grandjuż fil-bażilika u t-tiġrijiet tradizzjonali li għal darb’oħra rriżultaw f’suċċess enormi, il-bieraħ kien imiss il-ħruġ min-niċċa ta’ l-istatwa titulari, u l-ewwel dimostrazzjoni. Anke l-bieraħ, l-attendenza kienet waħda kbira – kemm il-bażilika kif ukoll pjazza San Ġorġ kienu ppakkjati bin-nies waqt il-ħruġ trijonfali ta’ San Ġorġ min-niċċa. Dan qed joħloq entużjażmu kbir fost il-parruċċani u l-partitarji, meta wieħed iqis li għadna biss fil-bidu tal-ġimgħa tal-festa.

Intant il-banda dekana, il-bieraħ għamlet l-ewwel servizz tagħha f’dawn il-festi, li kien jikkonsisti f’marċ brijuż minn quddiem il-knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb sa Pjazza San Ġorġ. Il-banda mbagħad reġgħet daqqet hekk kif l-istatwa titulari tfaċċat fil-bieb ewlieni tal-bażilika, fejn sellmet lill-patrun ta’ beltna bid-daqq ta’ l-innu marċ ta’ Ciappara. Fis-servizz tal-bieraħ indaqqu għall-aħħar darba s-sett ta’ marċi brijużi 2007. Mil-lejla l-banda ‘La Stella’ iżżanżan is-sett il-ġdid ta’ marċi brijużi, sett li jinkludi xejn inqas minn tlettax-il marċ.

Wara li l-istatwa nħarġet min-niċċa u ddawret mat-tempju Ġorġjan fost iċ-ċapċip u kant ta’ innijiet minn dawk preżenti, l-arċipriet Mons. Pawlu Cardona wassal il-messaġġ tiegħu lill-parruċċani preżenti. Wieħed ta’ min isemmi li din hija l-ewwel festa għalih bħala arċipriet tal-parroċċa tagħna. Fil-messaġġ tiegħu huwa enfasizza biex ilkoll kemm aħna nipparteċipaw fiċ-ċelebrazzjonijiet interni li ser isiru matul il-ġimgħa. Huwa rringrazzja lil dawk kollha li qed jaħdmu biex il-festa għal darb’oħra tkun suċċess fosthom lill-membri tal-kapitlu Ġorġjan, lis-Soċjetà Filarmonika ‘La Stella’, lill-kor ‘Laudate Pueri’, u lil bosta persuni oħra li qed jagħtu s-sehem tagħhom b’risq il-festa. Tenna li l-ferħ kbir li qed jara fost il-partitarji u l-parruċċani qed jimlieh b’entużjażmu kbir f’dawn il-jiem ta’ festa. Ma naqasx ukoll li jsellem lil ħutna l-emigranti u lill-dawk il-morda u l-anzjani li kienu qed isegwuna permezz tar-radju tal-komunità ‘Leħen il-Belt Victoria’.

Kif temm il-messaġġ tiegħu, bdiet ċelebrazzjoni ta’ xhieda nisranija għaż-żgħażagħ Ġorġjani. Din il-laqgħa madwar San Ġorġ, ġiet organizzata mill-grupp taż-żgħażagħ ‘23four’ tal-parroċċa tagħna.

U minn attività morna għal oħra, għax hekk kif intemmet din il-laqgħa fil-bażilika, beda marċ brijuż mill-banda ‘Ite ad Joseph’ tal-Qala minn Triq ir-Repubblika sa Pjazza San Ġorġ fejn minn hemm bdiet l-ewwel dimostrazzjoni bl-istatwa ta’ San Ġorġ. Din id-dimostrazzjoni li kienet akkumpanjata mill-istess banda, għaddiet mill-inħawi ta’ madwar il-bażilika u ntemmet fi Pjazza San Franġisk, fost il-kant tal-marċi u ta’ l-innu “Ġorġi tagħna!” min-numru kbir ta’ żgħażagħ preżenti. Fi tmiem id-dimostrazzjoni kien hemm ukoll spettaklu sabiħ ta’ logħob tan-nar ta’ l-art.

Il-bieraħ l-għaqda tan-nar ‘San Ġorġ Martri’ fi ħdan is-Soċ. Filar. La Stella, bdiet ukoll bl-impenji tagħha, bi ħruq kontinwu ta’ murtali minn fuq l-għolja ta’ Gelmus, kemm filgħodu u b’mod partikolari filgħaxija waqt il-ħruġ min-niċċa ta’ l-istatwa titulari. Din is-sena, l-għaqda tan-nar ħasbet għal spettaklu grandjuż ta’ logħob tan-nar kemm ta’ l-ajru kif ukoll ta’ l-art – spettaklu li żgur kull dilettant m’għandux jitlef, b’mod speċjali lejlet u nhar il-festa.

L-entużjażmu fost il-Ġorġjani huwa wieħed kbir u dan jawgura tajjeb għal festi kbar f’beltna fil-jiem li ġejjin. Il-festa ta’ San Ġorġ hija festa mfittxija għax fuq kull livell, u f’kull element tibbrilla. Ħbieb, dan għadu biss it-Tlieta!

16/07/2008

ritratti: Joe Attard ©