Join Us On:

News Archive

L-ASTRA FOLK GROUP GĦAL NOTTE BIANCA

Illejla mis-7.00pm ‘il quddiem, il-belt Valletta ser tinbidel f’belt imdawwla…belt maġika, b’numru kbir ta’ attivitajiet li mistennija jiġbdu eluf ta’ Maltin u turisti lejn il-belt kapitali Maltija. Fost l-attivitajiet ser ikun hemm numru kbir ta’ kunċerti, wirjiet u bosta avvenimenti oħra.

Il-Grupp Folkloristiku Astra, tas-Soċjetà Filarmonika “La Stella”, immexxi mid-direttur artistiku Anton Zammit, ġie mistieden, biex jipparteċipa f’waħda mill-attivitajiet li ser ikunu għaddejjin fi Triq il-Merkanti, tul dan il-lejl imdawwal. Matul din is-serata, organizzata mill-Ministeru għat-Turiżmu u l-kultura, il-Grupp Folkloristiku Astra, ser jieħu sehem flimkien ma’ għadd ta’ għannejja u daqqaqa, biex jesebixxu tradizzjonijiet u snajja marbuta mal-festa Maltija.

L-Astra Folk Group li tul dan is-Sajf, kien mimli impenji kemm f’Malta u Għawdex, f’Lulju li għadda kien mistieden biex jieħu sehem f’festival internazzjonali folkloristiku li sar fil-belt ta’ Carpineto Romano fl-Italja. Din ma kinitx l-uniku darba li l-grupp folkorisitku Astra ta spettaklu barra minn gżiritna. Fil-fatt ħa sehem f’diversi festivals folkloristiċi u attivitajiet oħra fl-Italja, l-Isvizzera, Franza, l-Ingilterra, il-Libja, l-Eġittu, ir-Russja, u l-Finlandja.

Intant, illejla fi Triq il-Merkanti, f’din l-attività folkloristika, il-pubbliku se jsib ukoll tipi differenti ta’ ikel tradizzjonali Malti u wħud mis-snajja marbuta mat-tradizzjoni Maltija. Hu mistenni li din l-attività tibqa’ għaddejja sas-sagħtejn ta’ filgħodu.

Għal aktar informazzjoni dwar “Notte Bianca – Lejl Imdawwal”, tistgħu żżuru s-sit uffiċjali ta’ din l-attività www.nottebiancamalta.com