Join Us On:

News Archive

L-ASTRA FOLK GROUP F’MALTA

Nhar il-Ħamis 4 ta’ Settembru 2008 il-Grupp Folkloristiku Astra ta spettaklu ta’ kant u żfin mir-repertorju vast tiegħu fil-Belt Valletta. Din l-attività kienet organizzata bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, kif ukoll bl-għajnuna ta’ Luciano & Cettina Restaurant, Il-Kantina Cafe’Regina Cafe’. Matul din l-attività l-Grupp ferraħ lil tant nies u turisti li kienu fit-triqat pedonali ta’ triq Nofsinhar, triq It-Teatru l-Antik, triq Merkanti – quddiem il-Ministeru tat-Turiżmu u quddiem Luciano & Cettina Restaurant, fil-pjazza tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann – quddiem il-Kantina Cafe’, triq ir-Repubblika, u fi pjazza Regina – quddiem Regina Cafe’.
 
Wara dan l-ispettaklu li ġie milqgħuh b’tant kliem ta’ tifħir u ċapċip, kemm mill-pubbliku Malti kif ukoll mit-turisti preżenti, il-Grupp Folkloristiku Astra kien mistieden għand l-E.T. il-President ta’ Malta Dr. Edward Fenech Adami għal żjara ta’ kortesija fil-Palazz tiegħu fil-Belt Valletta. Il-Grupp Astra permezz tad-Direttur Artistiku tiegħu Anthony Zammit ta tagħrif lill-President dwar il-mawra tal-Grupp fl-Ingilterra fejn ħadu sehem b’suċċess f’festival internazzjonali folkloristiku  f’Billingham, u kienu mfaħħra mill-organizzaturi ta’ dan il-festival bħala ambaxxaturi ta’ Malta – "the Astra Folk Group are truly great ambassadors of their country”. Il-Grupp ippreżenta diversi rigali ta’ tifkira lill-President kif ukoll kopja tal-brochure u flyer li l-Grupp għamel apposta għall-festival ta’ Billingham. Fost r-rigali mogħtija ġew preżentati pittura bit-tema: “Id-dgħajsa tal-Latini”, mill-artist tal-Grupp George James Cutajar; xogħol maħdum bil-bizzilla minn Miriam Xerri, u ritratt tal-Grupp meħud riċenti fid-Dwejra mill-fotografu uffiċjali tal-Grupp Joe Zammit. Dan ġie preżentat lill-President minn George Farrugia.
 
Il-President ta’ Malta feraħ lill-Astra Folk Group għal dan is-suċċess li għamlu f’Billingham. Irringrazzja lill-Grupp għar-rigali li ġew preżentati lilu u faħħar l-organizzazzjoni tal-Grupp. Intgħoġbu wkoll il-brochures u flyers li ġew magħmula mill-Astra Folk Group għall-festival fl-Ingilterra għax fi kliem il-president stess għamlu riklam mill-aqwa lil Malta u Għawdex. Wara dan id-diskors ġie meħud ritratt tal-Grupp Folkloristiku Astra  flimkien mal-President tar-Repubblika.
 
Intant nhar il-Ġimgħa 5 ta’ Settembru 2008, il-Grupp Folkloristiku Astra reġa ġie mistieden f’Malta din id-darba mill-Kumitat Festi Esterni ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi biex jagħti spettaklu folkloristiku waqt il-‘Wine Festival’. Kien ta’ unur għall-Grupp tagħna li għalaq l-attività tal-Ġimgħa b’spettaklu ta’ aktar minn siegħa ta’ kant u żfin folkloristiku mir-reportorju tal-Grupp.
 
Il-Grupp ġie milqugħ b’tant ċapċip min-nies preżenti li kollha kellhom kliem ta’ tifħir u li ħadu gost jakkumpanjaw lill-Grupp waqt il-kant u ż-żfin tiegħu. Numru sabiħ ta’ parruċċani Ġorġjani mill-parroċċa tagħna akkumpanjaw lill-Astra Folk Group għal din l-attività f’Ħal Qormi.
 
L-impenn li jmiss għall-grupp tagħna huwa propju għada l-Ħamis 11 ta’ Settembru filgħaxija f’Marsascala, fejn ser ikun qed jagħti spettaklu mill-aqwa f’għeluq il-kampanja Clean the Seas 2008.
 
Għal aktar ritratti ta’ l-attivitajiet kollha ta’ l-Astra Folk Group żur is-sit: http://picasaweb.google.com/astradancers