Join Us On:

News Archive

L-ASTRA FOLK GROUP F’MALTA GĦAL NOTTE BIANCA

Il-grupp folkloristiku Astra, taħt it-tmexxija tas-sur Anton Zammit, id-direttur artistiku tal-grupp, illejla ser jagħti spettaklu fil-belt Valletta bħala parti mill-avveniment annwali Notte Bianca, – lejl imdawwal b’bosta attivatijiet mill-isbaħ madwar il-belt kapitali ta’ pajjiżna. Dan l-avveniment kiseb suċċess kbir f’dawn l-aħħar snin u għalhekk illejla huwa mistenni li folol kbar ta’ Maltin, Għawdxin u turisti jinġabru fit-toroq ewlenin tal-belt Valletta biex jassistu għal spettaklu kontinwu u fl-istess waqt jieħdu l-opportunita’ li jżuru wħud mit-teżori u palazzi sbieħ li jżejnu l-belt kapitali tagħna. Għall-Astra Folk Group din ser tkun it-tieni esperjenza f’Notte Bianca, wara dik tas-sena li għaddiet.

F’dawn l-aħħar ġimgħat il-grupp folkloristiku tas-Soċjeta’ tagħna kellu bosta impenji fosthom f’Ħal Qormi għall-festival tradizzjonali tal-inbid, fil-belt Valletta fejn il-grupp għamel żjara uffiċjali lill-president tar-Repubblika u anke f’Marsascala. Dan kollu seħħ wara li l-grupp irritorna mill-mawra f’Billingham fejn hemm ipparteċipa fl-44 edizzjoni tal-festival internazzjonali folkloristiku. Għal darb’oħra din is-sena mistennija tkun waħda oħra mill-aktar impenjattiva u għaldaqstant tkun sena oħra ta’ suċċess. Aktar aġġornamenti u ritratti min-Notte Bianca fil-jiem li ġejjin.

04/10/2008