L-ASTRA FOLK GROUP F’MALTA
Il-grupp folkloristiku tas-Soċ. Filar. La Stella, l-Astra Folk Group, kellu suċċess ieħor fil-kullana ta suċċessi li kellu mutul din is-sena, meta nhar is-Sibt 12 ta’ Dicembru 2009, ta show spettakulari fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta, fl-okkazzjoni tal-inawgurazzjoni tal-istess pjazza li għadha kemm ġiet rinovata. Ix-show tal-grupp kienet ta’ siegħa u nofs kontinwa mingħajr waqfien ta’ xejn fejn tkantaw diversi kanzunetti flimkien ma’ żfin folkloristiku Malti mir-repertorju vast tal-grupp miktub apposta għall-Astra Folk Group minn mindu twaqqaf 40 sena ilu.
L-atmosfera li l-grupp folkloristiku ħoloq fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta kienet waħda mill-aqwa, fejn l-udjenza ferm numeruża preżenti ħadet pjaċir tara u tisma l-ispettaklu offrut mill-grupp. Xhieda ta’ dan kien iċ-ċapċip kontinwu mill-folla preżenti u anke l-għajjat "Bravi bravi" għall-membri tagħna.
Dan is-suċċess seta’ jinkiseb grazzi l-ewwelnett għall-organizzaturi li għoġobhom jistiednu lill-Astra Folk Group, lill-membri kollha tal-grupp: żeffiena, kantanti, u mużiċisti, li attendew li kienu jgħoddu ‘l fuq minn 35 persuna, lid-direttur tal-grupp Anthony Zammit u l-Assistent tiegħu George Farrugia u sintendi lill-ko-ordinatur tal-grupp f’Malta s-sur Joseph Borda.
Ritratti: Tonio Schembri