Join Us On:

News Archive

L-ASTRA FOLK GROUP FIR-REP. ĊEKA

L-Astra Folk Group ġie mistieden biex bejn is-17 u t-22 t’ Awwissu 2011 jieħu sehem fis-57 edizjoni tal-Festival Folkloristiku Internazzjonali f’Červený Kostelec , fir-Repubblika Ċeka. Għall-Astra Folk Group, li ser ikun l-ewwel grupp Malti, li qatt ħa sehem f’dan il-Festival Internazzjonali, din il-mawra ser tkun okkażjoni oħra, biex permezz tal-kant u ż-żfin tiegħu jkun qed jagħmel unur lil pajjiżna, fir-Repubblika Ċeka flimkien ma’ diversi gruppi oħra li ser jieħdu sehem, miċ-Ċina, mill-Bosnia Herzegovina, mill-Polonja, mit-Turkija, mill-Messiku, mill-Greċja, tliet gruppi mill-Italja, żewġ gruppi mis-Slovenja, u erba’ gruppi mir-Repubblika Ċeka.
 
Matul dan il-festival l-Astra Folk Group barra li jferraħ lil dawk preżenti bl-ispettaklu tiegħu, jkun qed jirriklama lil Malta u Għawdex tagħna bħala destinazjoni turistika, fejn anke iqassam flyers dwar l-istorja tal-grupp, tas-Soċjetà La Stella li tagħha jifforma parti, kif ukoll dwar Malta u Għawdex.
 
Minn din il-paġna nawguraw kull suċċess lill-grupp folkloristiku tagħna f’din il-mawra ġewwa r-Repubblika Ċeka.