Join Us On:

News Archive

L-ASTRA FOLK GROUP FIL-PORTUGALL

Il-Grupp Folkloristiku Astra jinsab fil-Portugall fejn qed jieħu sehem fit-tmien edizzjoni tal-festival internazzjonali folkloristiku f’Faro, il-kapitali ta’ Algarve. Dan il-festival popolari, beda nhar is-Sibt 21 ta’ Awwissu u jiġi fi tmiemu nhar it-Tlieta 31 ta’ Awwissu. L-Astra Folk Group huwa l-ewwel grupp Malti li qed jirrappreżenta lil pajjiżna f’dan il-festival prestiġjuż. 

Il-grupp li din is-sena qed ifakkar l-40 anniversarju tiegħu qed jitmexxa minn Joseph A. Borda; Anton Zammit u George Farrugia li huma d-diretturi tal-istess grupp. F’Novembru li ġej, bħala parti minn Festival Mediterranea, l-Astra Folk Group ser jorganizza festival folkloristiku f’beltna. Dan il-festival qed jiġi organizzat biex jitfakkar l-erbgħin anniverarju mit-twelid ta’ dan il-grupp folkloristiku fi ħdan is-Soċjeta’ Filarmonika La Stella.

Intant minn din il-paġna nawguraw kull suċċess lill-grupp folkloristiku tagħna f’din il-mawra fil-Portugall. M’hemmx dubju li bħalma ġara f’okkażjonijiet preċedenti, il-grupp ser jagħmel isem tajjeb ħafna lis-Soċjeta’ tagħna u lil pajjiżna.

Aktar aġġornamenti fil-ġranet li ġejjin.