Join Us On:

News Archive

L-ASTRA FOLK GROUP F’CARPINETO ROMANO

Il-Gruppp Folkloristiku Astra, ta’ beltna ser jirrappreżenta lil Malta, fl-ewwel Festival Internazzjonali bl-isem “Folclore dei Lepini” f’Carpineto Romano l-Italja, bħala grupp mill-Mediterran. Il-festival beda l-bieraħ 17 ta’ Lulju u jibqa’ għaddej sat-22 ta’ Lulju 2007. Il-grupp, ħalla Malta nhar it-Tnejn li għadda, l-għada tal-festa ta’ San Ġorġ Martri ċċelebrata f’beltna. Waqt dan il-festival il-Grupp Folkloristiku Astra bil-kant u ż-żfin tiegħu ser ikun qed jirriklama lil pajjiżna bħala post turistiku u anke kulturali. Għal din l-okkażjoni il-grupp, li huwa mmexxi mis-Sur Anton Zammit (direttur artistiku) u s-sur George Farrugia (kostumista), ħareġ ktejjeb ta’ tifkira, bi preżentazzjoni mill-isbaħ, u b’informazzjoni dwar il-grupp, dwar is-Soċjetà “La Stella” li tagħha huwa parti, u fuq kollox dwar il-gżejjer Maltin. Dan il-ktejjeb bil-lingwa Taljana ser jiġi mqassam lil dawk kollha li ser jattendu għal dan il-festival ta’ kultura.

L-Astra Folk Group f’dawn l-aħħar 37 sena ta diversi shows mhux f’Għawdex u f’Malta biss imma anke barra minn xtutna: fir-Russja, fl-Iskozja, fil-Finlandja, fl-Italja, fi Franza, fl-Eġittu, fit-Tuniżija, fi Tripli u f’diversi postijiet oħra. Proprju f’Awissu li għadda ħa sehem f’festival ieħor tal-folklor ġewwa Lecce fl-Italja.

Matul ix-xahar ta’ Ġunju l-grupp ħa sehem f’diversi attivitajiet lokali fosthom fin-Nadur għall-Ikla tradizzjonali tal-festa, fil-Wine festival li sar f’Santa Luċija organizzat minn Ta’ Klula Folkloristic Foundation, u anke fl-attivitajiet marbuta mal-Festa Tradizzjonali ta’ l-Imnarja 2007 fil-Buskett Malta. Nhar is-Sibt 30 ta’ Lulju l-grupp ħa sehem fl-attività li saret fil-Rabat fi Pjazza San Ġorġ, “Lejla Rabtija” – attività koordinata mill-grupp stess flimkien mal-Kunsill tar-Rabat u mas-sur Dione Lautier ta’ “The grapes wine bar”. Fl-ewwel ta’ Lulju il-grupp ta show folkloristika f’Marsalforn fejn kien mistieden biex jieħu sehem waqt “Wine Festival” organizzat mill-Kunsill taż-Żebbuġ u Marsovin Winery. Il-Grupp fil-preżent qed ikun mistieden kull nhar ta’ Tlieta mill-management tal-Lukanada The Riviera Resort & Spa biex ifferraħ lil dawk preżenti, turisti u Maltin, li jattendu għal “BBQ night” li ssir fil-“Hola Beach” ta’ l-istess Lukanda.

Minn hawn nixtiequ nifirħu, u nawguraw lill-membri kollha ta’ dan il-grupp ferm impenjattiv fis-Soċjetà tagħna, grupp li dejjem ħalla isem tajjeb kull fejn mar, u m’hemmx dubju li issa wkoll ġewwa Carpineto Romano jikseb suċċess ieħor, u jkompli jkabbar isem is-Soċjetà u isem pajjiżna barra minn xtutna.