Join Us On:

News Archive

L-AKTAR POPOLARI…GĦAL SENA OĦRA

 
Issa li għaddiet sena oħra, qed ngħaddulkom is-servizzi li l-banda dekana La Stella għamlet fl-istaġun tal-festi. U għal sena oħra, il-banda ċittadina La Stella kienet banda mill-aktar popolari fil-festi Għawdxin. Attività ewlenija u impenjattiva li l-banda ċittadina La Stella jkollha ta’ kull sena matul l-istaġun tas-sajf hi s-servizzi li tagħti f’numru sabiħ ta’ festi titulari fl-irħula ta’ Għawdex.  Dawn is-servizzi tal-banda jikkonsistu prinċipalment f’marċi u programmi kif ukoll f’akkumpanjament fil-purċissjonijiet reliġjużi li jkomplu jsebbħu dawn il-festi tant popolari.  Il-qofol ta’ dawn is-servizzi, imma, jintlaħaq ta’ kull sena proprju f’nofs Lulju bis-servizz estensiv u prinċipali li l-banda ċittadina La Stella tagħti fil-festa tal-patrun tagħna San Ġorġ.
 
L-ewwel servizz tal-banda ċittadina La Stella fil-festi ta’ l-irħula kien fil-Munxar, nhar il-Ħadd 25 ta’ Mejju 2008, fil-festa ddedikata lill-Appostlu Missierna San Pawl.  Il-banda għamlet marċ matul it-toroq ta’ dan ir-raħal sal-pjazza tal-knisja.  Waqt il-ħruġ tal-purċissjoni bl-istatwa ta’ San Pawl il-banda esegwiet l-innu ta’ San Pawl.  Ħa sehem il-kor tal-parroċċa u dderieġa Mro Joseph Vella.  Wara l-banda daqqet programm mużikali sa x’ħin waslet lura l-purċissjoni lejn il-knisja.
 
Nistgħu ngħidu li s-servizzi tal-banda jkunu regolarment kull weeekend. It-tieni servizz ta’ l-istaġun kien nhar il-Ħadd 8 ta’ Ġunju 2008 fil-parroċċa ta’ l-Għasri ddedikata lill-Ewkaristija Mqaddsa.  F’din il-parroċċa, minn xi snin ilu, ġiet introdotta statwa titulari li tinġarr fil-purċissjoni li tirrappreżenta lil Kristu Ewkaristiku Salvatur.  Il-banda fil-għaxija għamlet marċ mill-bidu ta’ dan ir-raħal sal-pjazza tal-knisja.  Waqt il-ħruġ tal-purċissjoni bl-istatwa l-banda daqqet l-innu marċja u akkumpanjat il-purċissjoni sad-dħul tagħha l-knisja.
 
Servizz li l-banda ċittadina La Stella dejjem tagħmel bil-qalb huwa dak fil-festa tal-Qalb Qaddisa ta’ Ġesù fil-Fontana.  Lejlet il-festa, is-Sibt 14 ta’ Ġunju 2008, il-banda għamlet marċ brijuż mat-toroq tal-Fontana u fi tmiemu daqqet l-innu tal-Qalb Qaddisa ta’ Ġesù bis-sehem tal-kor tal-parroċċa.  Il-banda kienet taħt id-direzzjoni ta’ Mro Joseph Vella.  Nhar il-festa, il-Ħadd 15 ta’ Ġunju 2008, il-banda daqqet l-innu waqt il-ħruġ ta’ l-istatwa titulari u wara akkumpanjat fil-purċissjoni bid-daqq ta’ marċi sagri u innijiet tal-Qalb ta’ Ġesù.
 
Żewġ servizzi oħra kienu fl-irħula tax-Xewkija u tan-Nadur.  Il-banda għamlet marċ fix-Xewkija nhar is-Sibt 21 ta’ Ġunju 2008, lejlet il-festa titulari ta’ San Ġwann Battista, li beda minn ħdejn il-Mitħna u baqa’ sejjer sal-każin tal-banda Prekursur.  Minn hawn il-banda tagħna u l-banda San Ġużepp ta’ Għajnsielem komplew b’marċi brijużi sal-pjazza tal-knisja fejn, ftit wara li temm il-marċ, beda l-ħruq tan-nar ta’ l-art.
 
Fin-Nadur, fil-festa ta’ San Pietru u San Pawl, il-banda tagħna kellha żewġ servizzi.  L-ewwel wieħed kien nhar il-Ħamis 26 ta’ Ġunju 2008 waqt dimostrazzjoni bl-istatwa ta’ San Pietru u San Pawl.  It-tieni servizz kien il-marċ ta’ lejlet il-festa, is-Sibt 28 ta’ Ġunju 2008, li beda fl-10.30pm eżattament wara t-tmiem ta’ spettaklu tan-nar ta’ l-ajru li sar fejn il-Belveder.  Fuq dan il-marċ kien sar arranġament biex il-banda tibda aktar tard mis-soltu minħabba l-logħob tan-nar ta’ l-art.  Il-marċ sar flimkien mal-banda Mnarja tan-Nadur.
 
F’nofs l-istaġun tal-festi ta’ gziritna tiġi organizzata l-festa ta’ San Ġorġ Martri fil-belt Victoria.  M’aħniex sa nsemmu s-servizzi tal-banda f’din il-festa sabiħa u glorjuża ta’ San Ġorġ, servizzi li l-banda ilha tagħti mis-sena 1882, is-sena li fiha ħadet l-organizzazzjoni tal-festi esterni ta’ San Ġorġ.  Iżda ta’ min isemmi li l-banda tagħna għamlet b’kollox mhux inqas minn tmien servizzi f’din il-festa kbira ta’ l-Għawdxin u Maltin.
 
Tmint’ijiem wara l-festa ta’ San Ġorġ il-banda ċittadina La Stella ħadet sehem fil-festa ta’ Santa Margerita, verġni u martri, fil-parroċċa Ta’ Sannat.  Il-banda, wara li għamlet marċ mat-toroq ta’ dak ir-raħal, daqqet programm mużikali fuq il-palk fil-pjazza tal-knisja matul il-ħin tal-purċissjoni.  Fl-assenza ta’ Mro Joseph Vella li kien imsiefer, il-banda tmexxiet minn Mro Sunny Galea.
 
Iktar servizzi u l-banda nsibuha ddoqq marċi ferrieħa fil-parroċċa tal-Qala lejlet il-festa ta’ San Ġużepp nhar is-Sibt 2 ta’ Awwissu 2008.  Il-banda bdiet il-marċ tagħha minn tarf ir-raħal u mbagħad ingħaqdet mal-banda San Ġużepp ta’ Għajnsielem, u flimkien waslu bil-marċ sal-pjazza tal-knisja.  Fit-tmiem il-baned daqqew flimkien l-innu ta’ San Ġużepp fost l-entużjażmu tal-partitarji qabel ma beda jinħaraq in-nar ta’ l-art.
 
Festa oħra li l-banda tieħu sehem fiha hija dik fir-raħal ta’ San Lawrenz, fejn tiġi ċċelebrata l-festa lil dan il-qaddis martri u levita. Lejlet il-festa, 9 ta’ Awwissu 2008, il-banda għamlet marċ madwar it-toroq ta’ dan ir-raħal.  Fit-tmiem, meta l-banda waslet fil-pjazza tal-knisja, telgħet fuq il-palk u esegwiet l-Inno a San Lorenzo taħt id-direzzjoni ta’ Mro Joseph Vella bis-sehem tal-kor tal-parroċċa.  Nhar il-festa, il-Ħadd 10 ta’ Awwissu 2008, il-banda għamlet marċ u wara, waqt il-ħruġ tal-purċissjoni, daqqet l-Inno a San Lorenzo akkumpanjata mill-kor u l-kantanti solisti taħt id-direzzjoni ta’ Mro Joseph Vella.
 
L-aħħar żewġ servizzi fl-irħula għall-banda kienu ddedikati lill-Verġni Marija.  Dawn kienu fiż-Żebbuġ u f’Għajnsielem. Fiż-Żebbuġ il-banda ċittadina La Stella daqqet programm mużikali lejlet il-festa, nhar is-Sibt 23 ta’ Awwissu 2008, fuq il-palk ċentrali fil-pjazza tal-knisja fl-okkażjoni tal-festa ta’ Marija Assunta.  Il-banda baqgħet iddoqq sa x’ħin waslet banda oħra li kienet qed iddur mat-toroq tar-raħal.  Waqt il-programm il-banda kienet taħt id-direzzjoni ta’ Mro Joseph Vella.
 
L-aħħar servizz tal-banda fil-festi ta’ l-irħula kien f’Għajnsielem lejlet il-festa tal-Madonna ta’ Loretu, nhar is-Sibt 30 ta’ Awwissu 2008.  Il-banda ħadet sehem f’marċ brijuż flimkien mal-banda San Ġużepp li beda minn ħdejn il-Belveder u ntemm fil-pjazza tal-knisja qabel ma beda l-ħruq tan-nar ta’ l-art li għalih l-Għawdxin jattendu bi ħġarhom.  Dan il-marċ hu wieħed magħruf għall-briju tiegħu u bosta nies jattendu għalih.
 
Dawn kienu s-servizzi li l-banda ċittadina La Stella kellha fl-irħula, tista’ tgħid ma’ Għawdex kollu, matul il-festi titulari tagħhom.  Kienu servizzi li komplew żiedu u kabbru l-popolarità tal-banda tagħna fost il-poplu Għawdxi.  Dawn is-servizzi jservu biex il-banda twassal il-leħen ħelu tagħha fil-festi Għawdxin.  Il-preżenza tal-banda f’daqshekk numru ta’ servizzi kompliet tikkonferma kemm il-banda ċittadina La Stella hi fil-fatt l-banda popolari tal-Belt Victoria u waħda mill-aktar mfittxija f’Għawdex!