L-AĦĦAR TISLIMA LIL ANTON ZAMMIT
Illum tajna l-aħħar tislima lil Anton Zammit jew kif magħruf minn ħafna “Toni tal-Patri”. Is-Soċjetà Filarmonika La Stella u l-Parroċċa ta’ San Ġorġ taw ir-rispett mistħoqq lil wieħed mill-kolonni tagħhom, li qeda għal bosta snin fiż-żewġ entitajiet . Il-korteo, akkumpanjat mill-Banda Ċittadina La Stella, telaq minn Triq ir-Repubblika fejn indaqqu numru ta’ marċi funebri, kompożizzjonijiet ta’ Giuseppe Giardini Vella, Prof. Joseph Vella u s-surmast attwali Dr John Galea. Matul il-korteo iħaraq salut li kkontribwew għalih is-sotto kumitati tan-Nar, tal-Armar u taż-Żgħażagħ La Stella.
Isem Toni huwa sinonimu ma ħafna mix-xogħol li kien isir ġewwa l-Bażilika ta’ San Ġorġ, fejn ta sehem bil-qalb kull fejn kien hemm bżonn. Huwa kien kollaboratur mal-arċiprieti kollha li laħaq u mingħajr daqq ta’ trombi dejjem ra kif jagħti l-kontribut tiegħu għall-ġid tal-bażilika u tal-parroċċa. Fost li ħafna affarijiet li kien jinvolvi ruħu fihom ma nistgħux ma nsemmux l-istatwa titulari ta’ San Ġorġ u l-Vara l-Kbira li kienu l-mimmi t’għajnejn Toni. Sakemm saħħtu ippermettiet, dawn il-vari ma kienux jiċċaqalqu millimetru jekk Toni ma jkunx hemm biex jara li kollox miexi sew u kif suppost! Il-ħeġġa ta’ Toni għandha tkun ta’ ispirazzjoni għalina lkoll.
Fis-Soċjetà Filarmonika La Stella Toni okkupa karigi importanti ta’ Segretarju u Teżorier, anke fi żminjiet diffiċli meta l-isfidi kienu kbar. Huwa kien inħatar ukoll Viċi President għal għomru fl-2020 waqt ir-riċeviment tal-festa titulari. Toni huwa mportanti għas-Soċjetà Filarmonika La Stella mhux biss għax għen hu, imma wkoll għax għadda din l-imħabba tiegħu lejn San Ġorġ kemm lil uliedu, lin-nepputijiet u lill-familjari qrib tiegħu. L-imħabba ta’ Toni lejn il-qaddis ta San Ġorġ kienet waħda awtentika, imħabba sinċiera, imħabba li għandha tkun ta’ gwida għalina li ġejna warajħ.
Għall-quddiesa tal-funeral ġewwa l-Bażilika ta’ San Ġorġ attendew bosta membri tal-kumitat ġenerali, sotto kumitati, bandisti u bosta partitarji tas-Soċjeta Filarmonika La Stella, mmexxija mill-President Michael Formosa u s-Segretarju Matthew Zammit. Il-quddiesa tmexxiet mill-Vigarju Parrokkjali Dun Joseph Mercieca, peress li l-arċipriet ma setax jattendi, filwaqt li l-omelija saret minn Mons. Gużeppi Farrugia, Kappillan tal-Banda Ċittadina La Stella. L-Arċipriet Mons. Joseph Curmi bagħat messaġġ li nqara waqt il-quddiesa, fejn tkellem dwar il-kwalitajiet sbieħ li Toni kellu u l-għajnuna li dejjem ta lilu bħala arċipriet u l-parroċċa kollha. Fi tmiem il-quddiesa inqara wkoll messaġġ mill-President Michael Formosa u wara, l-fdalijiet ta’ Toni inħarġu mill-bażilika merfugħ mill-bosta kollegi Ġorġjani.
Minn din il-paġna nixtiequ nwasslu l-kondoljanzi tagħna lill-familjari tiegħu u nistiednu lill-partitarji tagħna biex jiftakru f’Toni fit-talb tagħhom. Aghtih O Mulej il-Mistrieh ta’ dejjem.






