L-AĦĦAR PREPARAMENTI GĦAL ROCKASTRA
Is-Soċjetà Filarmonika La Stella bħalissa għaddejja bit-tħejjijiet finali tagħha għall-kunċert grandjuż RockAstra li issa wasal fir-raba’ edizzjoni. Il-kunċert se jsir nhar it-Tnejn 6 ta’ Ġunju 2016 fid-9pm fi Triq ir-Repubblika l-Belt Victoria. Id-dħul għall-kunċert se jkun b’xejn u s-seating fuq bażi first-come-first-served.
Il-kunċert se jkun taħt id-direzzjoni ta’ Mro Sigmund Mifsud u fih, flimkien mal-Banda Ċittadina La Stella, se jiehdu sehem numru ta’ kantanti stabbiliti kemm fix-xena lokali kif ukoll dik internazzjonali bħal Kevin Borg. Se jkollna magħna wkoll lil Chris Grech, Lara Dimech, Ruth Portelli, Fabian Galea, Remy Azzopardi u Gabriella Azzopardi. Fil-kunċert se jiehu sehem ukoll il-Kor tat-tfal tat-Teatru Astra Piccole Stelle li se jkun taħt it-tmexxija ta’ Mariella Spiteri Cefai.
Is-siltiet magħżula jinkludu suċċessi mir-repertorju ta’ John Lenin, Bon Jovi, Zucchero, The Tramps u ħafna oħrajn fejn dan kollu se jiżżewwaq ma’ spettaklu ta’ dwal fi Triq ir-Repubblika. Għalhekk inħeġġukom tilqgħu l-istedina tagħna u nhar it-Tnejn ejjew għall-kunċert ieħor li żgur jibqa mfakkar fl-istorja tas-Soċjetà Filarmonika La Stella.
(Ritratti: Joe Attard)