L-AĦĦAR JUM TAT-TRIDU
Wara s-suċċess kbir tal-bieraħ illum għandna programm ieħor mimli daqs bajda. Kulħadd għadu mistagħġeb bin-numri kbir ta’nies li f’dawn il-jiem ħonqu t-toroq tal-Belt Victoria. U dan kollu sar mhux f’jum jew lejlet il-festa imma matul il-jiem kollha tal-ġimgħa kif jixdu r-ritratti mxerrdin fuq diversi social media. Il-ġurnata tal-bieraħ ma kinitx eċċezzjoni għax minn kmieni wera li se tkun ġurnata oħra ta’ folol kbar. Hekk kif id-dimostrazzjoni waslet quddiem il-Każin La Stella l-ammont kbir ta’ żgħażagħ li kien hemm kien wieħed inkredibbli. Tistgħu timmaġnaw kif kienet Pjazza Savina meta ftit qabel nofs il-lejl, l-istatwa ta’ San Ġorġ Patrun t’Għawdex sabet postha fuq il-pedestall u ngħata bidu għall-feature awdjo-viżiv, li din is-sena kien konċentrat, kif inhu xieraq, fuq l-istatwa titulari ta’ San Ġorġ. Wara wkoll ġiet imtella f’postha waħda mill-bandalori l-ġodda li tirrapreżenta lil Pietru Pawl Azzopardi, xogħol tal-pittur bravissimu Pawlu Camilleri Cauchi li sewwasew din is-sena lesta s-sett mill-isbaħ ta’ bandalori fi Pjazza Savina. Intant il-programm tal-lum huwa dan li ġej;
7.30am: Quddiesa fil-knisja konventwali ta’ Santu Wistin, fejn ir-Relikwa tad-Driegħ ta’San Ġorġ tkun esposta għall-qima tal-fidili. 9.00am: Konċelebrazzjoni Konventwali ppreseduta minn Mons. Ġużeppi Farrugia, Arċipriet Emeritu, bis-sehem tal-Kapitlu u l-kleru tal-Bażilika, b’suffraġju tal-membri tal-parroċċa li ħallew din id-dinja matul is-sena li għaddiet.
6.30pm: Kant solenni ta’ l-Għasar mill-Kapitlu tal-Kolleġġjata flimkien mal-ġemgħa liturġika, ippresedut mill-E.T. Mons. Aldo Cavalli, Nunzju Appostoliku għal Malta. Priedka minn Dun Simon Mario Cachia. Wara, Innu, Antifona u Barka Ewkaristika mill-Arċisqof Mons. Aldo Cavalli.
9.15pm: Eżekuzzjoni fi Pjazza San Ġorġ tal-Ewwel Innu l-Kbir ta’ Għawdex Su Garzoni (1894), versi u mużika ta’ Mons. Giuseppe Farrugia (1852-1925), mill-Banda Ċittadina La Stella taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur il-Prof. Joseph Vella u l-Kor tat-Tfal tas-Soċjetà Piccole Stelle taħt id-direzzjoni ta’Mariella Spiteri Cefai.
9.30pm: Dimostrazzjoni grandjuża bl-istatwa ta’ San Ġorġ Rebbieħ (1894), kapulavur ta’Vincenzo Cremona u l-ewwel statwa għall-festi esterni f’Għawdex. Tmexxi d-dimostrazzjoni mat-toroq ewlenin tal-Belt Victoria l-Banda Ċittadina La Stella, bis-sehem tal-Banda Prekursur (ix-Xewkija).