Join Us On:

News Archive

L-AĦĦAR TISLIMA LIL TONI VELLA

Wara l-aħbar tal-mewt ta’ seħibna Toni Vella, kmieni l-bieraħ, illum is-Soċjetà Filarmonika ‘La Stella’ ingħaqdet mal-familjari u ma’ diversi ħbieb għall-funeral tiegħu. Għall-ħabta ta’ l-4.30pm beda korteo minn Triq ir-Repubblika, bis-sehem tal-banda ċittadina ‘La Stella’ li sellmet lis-sur Vella, membru fil-kumitat tas-Soċjetà għal dawn l-aħħar 42 sena, bid-daqq ta’ marċi funebri. Hekk kif beda miexi l-korteo, il-fdalijiet ta’ seħibna Toni Vella ddawru lejn it-Teatru Astra – ġest mill-isbaħ li qasam qalb dawk il-ħafna persuni li attendew għall-funeral. Żgur li kien ġest xieraq, meta wieħed iqis is-snin twal ta’ ħidma kontinwa li għamel seħibna b’risq is-Soċjetà tagħna.

Hekk kif intemm il-korteo bdiet il-quddiesa li kienet immexxija mill-arċipriet tal-bażilika Ġorġjana Mons Pawlu Cardona. Ikkonċelebraw miegħu numru sabiħ ħafna ta’ saċerdoti kemm mill-parroċċa tagħna kif ukoll minn diversi parroċċi oħra madwar Għawdex. Fl-omelija tiegħu Mons. Cardona sellem lil Toni Vella, li ħafna minna lkoll konna nafuh bħala Toni ‘Dalli’, bħala bniedem li dejjem ħadem għall-għaqda kull fejn kien – semma l-ħidma kbira tiegħu b’risq is-Soċjetà ‘La Stella’ li huwa tant ħabb, u diversi entitajiet oħra fosthom il-Fondazzjoni Arka u l-Fondazzjoni Belt Vittorja li tagħhom kien ukoll wieħed mill-fundaturi. Tul l-omelija l-arċipriet ma naqasx li jagħmel referenza għall-kelmiet li huwa qal fl-aħħar jiem tiegħu fuq is-sodda fl-isptar t’Għawdex lill-arċipriet emeritu Mons. Ġużeppi Farrugia u lill-predikatur tat-tridu ta’ din is-sena Dun Ġużepp Gauci: “Għidilhom biex iħarsu lejn San Ġorġ u jitgħaxqu bih” – kliem li ħareġ mill-qalb ta’ Ġorġjan li llum żgur jinsab aktar qrib ta’ San Ġorġ fil-glorja tal-ġenna.

Fi tmiem il-funeral, saru wkoll messaġġi minn bint Toni Vella u anke mis-Segretarju tas-Soċjetà ‘La Stella’, Dolindo Cassar li f’isem il-membri kollha tal-kumitat u tas-Soċjetà sellem lil dan il-ħabib li tassew ħadem b’risq il-partit ta’ l-Istilla. Huwa rringrazzjah tas-sehem tiegħu tul it-42 sena li għamel fil-kumitat tas-Soċjetà u talab biex dawk kollha li llum jaħdmu fi ħdan din is-Soċjetà jimxu fuq l-eżempju tiegħu.

Minn din il-paġna aħna wkoll insellmu lil dan il-ħabib, u nuru wkoll l-apprezzament tagħna għas-snin twal ta’ ħidma li huwa għamel fi ħdan is-Soċ. Filar. La Stella. Għal darb’oħra nagħtu l-kondoljanzi sinċiera tagħna lill-familjari tiegħu b’mod speċjali lil martu Grace, lit-tliet uliedu u l-irġiel tagħhom.

INSELLMULEK ĦABIB!

17/07/2008

Ritratti: Joe Attard ©