Join Us On:

News Archive

L-AĦĦAR SERVIZZ FL-ISTAĠUN TAL-FESTI

Nhar is-Sibt 27 ta’ Awwissu, il-banda ċittadina La Stella għamlet l-aħħar servizz tagħha fl-istaġun tal-festi 2011, ġewwa Għajnsielem, lejlet il-festa tal-Madonna ta’ Loretu. Is-servizz kien jikkonsisti f’marċ qasir minn ħdejn il-knisja l-antika sal-pjazza ewlenija tar-raħal fejn aktar tard il-banda esegwiet programm mużikali fuq il-planċier taħt id-direzzjoni tal-assistent surmast Mro Noel Beck.

Dan kien is-seba’ programm mużikali esegwit matul dan l-istaġun festiv, fost tnax-il servizz li l-banda kellha barra l-belt Victoria. Il-banda ħadet sehem fil-festi tal-Munxar; l-Għasri; il-Fontana (żewġ servizzi); ix-Xewkija; in-Nadur; Sannat; San Lawrenz (żewġ servizzi); il-Qala; iż-Żebbuġ u Għajnsielem. Għal darb’oħra l-banda kellha preparat programm ieħor mill-aqwa b’mużika mill-isbaħ li tassew intlaqa’ minn dawk kollha li kienu preżenti fil-pjazza grandjuża ta’ dan ir-raħal – mużika popolari, mużika operistika u fuq kollox soundtracks ta’ uħud fost l-aqwa films mid-dinja taċ-ċinema.

Issa jixraq li l-bandisti tagħna, li tassew onoraw bl-aqwa mod dawn is-servizzi kollha matul dan is-sajf, igawdu l-aħħar ftit ġimgħat ta’ dan l-istaġun, biex imbagħad nibdew il-preparazzjoni għal servizz ferm importanti: il-Programm mużikali annwali, li din is-sena ser isir is-Sibt 19 ta’ Novembru fit-Teatru Astra.