Join Us On:

News Archive

L-AĦĦAR PREPARAMENTI

Wara l-bidu tal-istaġun tal-festi, u allura tan-numru kbir ta’ impenji marbuta ma’ dan iż-żmien, il-banda La Stella tinsab ikkonċentrata fuq impenn ieħor ferm importanti li huwa l-programm mużikali ta’ nhar il-Ġimgħa 10 ta’ Ġunju, fi Pjazza Indipendenza fl-okkażjoni ta’ Jum il-belt Victoria. 

Fil-fatt għal dan il-programm, il-banda taħt id-direzzjoni tas-surmast Joseph Vella, qed tħejji ruħha bl-aħjar mod biex nhar tlitt ijiem oħra ttella’ programm ta’ livell bħal dejjem. Din id-darba ser ikollna programm b’mużika moderna, kontemporanja – mużika meħuda minn films varji li ħarġu matul dawn l-aħħar ħamsin sena li żgur għandhom jolqtu l-gosti ta’ kulħadd.

F’dawn il-ġranet, proprju llum u nhar il-Ħamis, lejlet il-programm mużikali, il-bandisti ser jiltaqgħu għall-aħħar żewġ kunċerti ġenerali. Minn din il-paġna filwaqt li niftħu l-istedina għal kulħadd, nagħmlu appell partikolari lill-partitarji numerużi tagħna biex jattendu bi ħġarhom għal dan il-kunċert mużikali u juru s-sapport tagħhom bħal dejjem lejn il-banda li fuq kollox hija l-qalb tas-Soċjeta’ tagħna.