Join Us On:

News Archive

L-AĦĦAR IMPENJI GĦAS-SENA 2009

Hekk kif il-ġimgħa li għaddiet il-banda ġiet mistiedna takkumpaja l-purċissjoni ta’ Sant’ Indrija fir-raħal tal-Fontana, nhar it-Tnejn u t-Tlieta li ġejjin il-banda tkun impenjata fl-aħħar żewġ servizzi għas-sena 2009: żewġ servizzi marbuta mal-festa ta’ Ommna Marija Immakulata – festa għal qalb ħafna l-partit tal-Istilla. Fil-fatt għall-partitarji tal-Istilla l-festa tal-Kunċizzjoni hija meqjusa bħala t-tieni festa wara dik ta’ San Ġorġ Martri. Il-banda La Stella għandha rabta speċjali ma’ din il-festa u mal-komunità Franġiskana f’beltna, u ilha għal numru twil ta’ snin tieħu sehem f’din il-festa. Kien hemm ukoll żmien fejn il-banda La Stella kienet l-uniku banda li tipparteċipa f’din il-festa Marjana, u s-Soċjetà kienet issellef l-armar tagħha biex jintrama fi pjazza San Franġisk u fl-inħawi tal-madwar għal żmien il-festa.
 
Intant l-impenji tal-banda marbuta ma’ din il-festa jibdew nhar it-Tnejn li ġej 7 ta’ Diċembru, meta fit-8.00pm tagħmel marċ brijuż u takkumpanja l-istatwa tal-Immakulata Kunċizzjoni, maħduma fl-2002 għall-festi ta’ barra minn Pawlu Aquilina. Il-marċ jgħaddi minn Triq Għajn Qatet, Triq 8 ta’ Diċembru, Triq Enrico Mizzi, Triq San Duminku, Triq Pompei għal Pjazza San Franġisk. Fi tmiem il-marċ, l-istatwa tittella’ fuq il-pedistall tagħha fl-istess pjazza, waqt li jindaqqu l-innijiet Lil Marija Immakulata, versi tal-mibki Patri Mikiel Bezzina u mużika tal-Prof. Joseph Vella; u l-Ave Maria.
 
L-għada, jum il-festa, il-banda tibda fil-5.15pm b’marċ qasir minn Triq Anton Tabone sa Pjazza San Franġisk. Wara, hekk kif tibda ħierġa l-purċissjoni, jindaqq l-innu Lodate Maria, mużika ta’ G. Flamingo, taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella, bis-sehem tal-kor, tenur u baritonu. Il-banda dekana mbagħad takkumpanja l-purċissjoni madwar it-toroq ewlenin tal-belt Victoria.
 
Ir-rabta bejn is-Soċjetà Filarmonika La Stella u l-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni hija waħda naturali. Fil-fatt wieħed ma jridx jinsa li l-isem tal-istess soċjetà huwa ispirat minn Ommna Marija Immakulata, u għaldaqstant din il-festa tibqa’ bħalma dejjem għażiża għas-Soċjetà La Stella u għall-partitarji kollha tagħha. Minn qalbna nawguraw il-festa t-tajba lir-Rabtin kollha, b’mod speċjali lill-membri tal-komunita’ Franġiskana u lil dawk kollha devoti ta’ Ommna Marija Immakulata.