Join Us On:

News Archive

L-AĦĦAR ATTIVITA’ GĦALL-10 EDIZZJONI TA’ FESTIVAL MEDITERRANEA

L-għaxar edizzjoni ta’ Festival Mediterranea tintemm nhar is-Sibt 19 ta’ Novembru bil-kunċert annwali grandjuż mill-Banda Filarmonika La Stella (AD 1863). Il-kunċert, li jibda fis-7.30pm, se jsir f’Teatru Astra. Id-dħul għall-attività hu mingħajr ħlas.

Il-kunċert sinfoniku jġib flimkien mas-sebgħin mużiċist li jiffurmaw il-banda, taħt id-direzzjoni tal-Prof. Mro. Joseph Vella, f’dak li hu meqjus waħda mill-attivitajiet ewlenin tal-istaġun xitwi. Il-banda hi involuta kważi f’kull tmiem il-gimgħa matul l-istaġun tas-sajf, bejn Mejju u Settembru, fil-festi f’Għawdex u anke f’Malta. Il-kunċert ta’ nhar is-Sibt madankollu se jara lill-banda tinterpreta selezzjoni ta’ mużika klassika, pop u sinfonika f’dik li qed issir attività ferm mistennija minn dawk li jħobbu l-mużika f’Għawdex.

Il-programm jinkludi varjetà ta’ mużika, minn dik popolari għall-soundtracks ta’ films għall-mużika klassika għall-opra, bil-biċċiet kollha li se jindaqqu se jagħtu opportunità lill-udjenza biex tgawdi mużika mill-isbah li tindaqq b’ħila mill-Banda Filarmonika La Stella u solisti fi ħdanha. Il-programm jinkludi Fantasia mill-opra ta’ Giuseppe Verdi Il Trovatore, il-Capriccio Italien popolari ta’ Pyotr Ilych Tchaikovsky ispirat mill-Karnival, l-Overture modern u ferm mexxej għall-banda minn Ross Roy b’kompożizzjoni ta’ Jacob de Haan, u The Legend of the Glass Mountain mis-soundtrack, b’kompożizzjoni ta’ Nino Rota, tal-film Numru 1 fl-1948 The Glass Mountain kif ukoll il-marcja mis-soundtrack ta’ Miklós Rózsa mill-film El Cid, fuq arrangament ta’ Robert Hawkins. Il-programm jinkludi wkoll it-tema tal-introduzzjoni u varjazzjonijiet għall-Klarinett Bb ta’ Giacomo Rossini, fuq arranġament ta’ Mario Galea.

Filwaqt li l-kuncert jibda fis-7.30pm, il-pubbliku hu mħeġġeġ li jkun fil-post sas-7.15pm. Jintlaqgħu donazzjonijiet għal “Dar l-Arka” f’Għajnsielem filwaqt li l-postijietfit-teatru jingħataw fuq bażi ta’ first-come first-served. Iktar informazzjoni tinkiseb minn www.mediterranea.com.mt  jew 9988 3007 jew 7925 6897.  Il-kunċert jagħlaq l-għaxar edizzjoni tal-festival annwali organizzat minn voluntieri fi ħdan Teatru Astra. Festival Mediterranea fetaħ fis-27 t’Ottubru bl-ewwel minn żewġ rappreżentazzjonijiet tal-opra ferm diffiċli Norma ta’ Vincenzo Bellini li wasslet għall-ewwel darba fix-xena operistika f’Malta teknika ta’ projezzjonijiet 3D kbar.

Festival Mediterranea hu organizzat bl-għajnuna ta’ Bank of Valletta, l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, Vodafone Malta Foundation, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, il-Ministeru għal Ghawdex, il-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment, il-Kunsill Malti tal-Kultura u l-Arti u l-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria.

(Ritratti: Joe Attad)