Join Us On:

News Archive

KWADRU TA’ L-ASSUNTA MAL-FAĊĊATA TAL-KAŻIN ‘LA STELLA’

Fl-okkażjoni tal-festa tat-tlugħ fis-sema ta’ Ommna Marija Santissima ċċelebrata f’aktar minn għaxar parroċċi madwar Malta u Għawdex, is-Soċjetà Filarmonika ‘La Stella’ żejnet il-faċċata tal-każin tagħha fil-parti ewlenija ta’ Triq ir-Repubblika bi kwadru sabiħ ta’ l-Assunta. Dan il-ġest ġie mfaħħar ħafna fis-snin l-imgħoddija u anke din is-sena l-kumitat ċentrali ħaseb li tkun deċiżjoni għaqlija li din ix-xbieha għandha titpoġġa mal-faċċata tal-każin ‘La Stella’.

F’dawn l-aħħar snin, il-faċċata tal-każin kienet qed tiġi dekorata bi kwadru li juri xbieha tal-Assunta meqjuma fil-bażilika ta’ San Ġorġ f’beltna, xogħol tal-artist Gian Battista Conti (1878-1971). Din is-sena l-faċċata ġiet imżejna bi kwadru ġdid li ġie rregalat lis-Soċjetà mill-artist Għawdxi Adonai Camilleri Cauchi – xogħol mill-isbaħ li juri x-xbieha ta’ Marija Santissima tielgħa s-sema mdawra bl-anġli. Din l-opra ser tkompli żżid mal-kollezzjoni sabiħa ta’ arti sagra li għandna fis-sala ċentrali fil-każin. L-artist żagħżugħ, flimkien ma’ missieru Michael, huma magħrufa għal diversi opri sbieħ li ngawdu fl-armar tal-festi madwar Għawdex u Malta. Fost l-opri li huma ħadmu nsibu l-istatwa l-ġdida ta’ San Ġorġ Patrun t’Għawdex li nħadmet għall-festa ta’ San Ġorġ ta’ din is-sena, li żżanżnet fit-tieni jum tat-tridu f’dimostrazzjoni grandjuża li laħqet il-qofol tagħha fi Pjazza Savina fejn hemm ittellgħet fuq il-pedistall tagħha.

Il-festa ta’ Santa Marija qed tiġi ċċelebrata llum f’diversi parroċċi fosthom fil-Mosta, f’Ħal-Għaxaq, il-Gudja, l-Imqabba, l-Imġarr, il-Qrendi, Ħad-Dingli, u Ħ’Attard f’Malta, u fiż-Żebbuġ u fiċ-Ċittadella f’Għawdex.

15/08/2008