Join Us On:

News Archive

KUNĊERT TAL-MILIED FI PJAZZA INDIPENDENZA

Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied, il-Kunsill Lokali stieden lis-Soċjeta’ Filarmonika La Stella ttella’ programm mużikali fi Pjazza Indipendenza nhar is-Sibt 18 ta’ Diċembru. Il-kunċert li sar taħt tinda kbira armata apposta għal dan iż-żmien ta’ festi, kien jinkludi mużika varjata. 

Il-banda taħt id-direzzjoni tas-surmast direttur tagħha, il-Prof. Joseph Vella, esegwiet numru ta’ siltiet mużikali kemm b’rabta mal-Milied kif ukoll mużika oħra varjata fosthom l-overture mill-opra Rienzi ta’ Wagner; is-silta kontemporanja Walking on Music ta’ Roger Deronge, bis-solista George Camilleri fuq l-Ewfonju, li f’din il-biċċa xogħol mużikali wera l-kapaċitajiet kbar li jħaddan fuq l-istrument; kif ukoll silta oħra moderna tal-kompożitur Olandiż Jacob de Haan, Free World Fantasy – tliet siltiet li ntlaqgħu ferm tajjeb mill-udjenza preżenti fil-pjazza prinċipali ta’ beltna. 

Ma setgħux jonqsu siltiet mill-isbaħ marbuta maż-żmien tal-Milied. Fil-fatt il-banda esegwiet tliet arranġamenti ferm sbieħ ta’ mużika tal-Milied. Dawn inkludew: Frosty the Snowman (arr. Steve Nelson); Here Comes Santa Claus (arr. G. Autry); O Holy Night (arr. Raymond Sciberras); Christmas Finale (arr. Paul Jennings); u Sinfonia Pastorale (arr. E. Galea).

Minbarra dawn is-siltiet mużikali, il-programm kien jinkludi wkoll żewġ biċċiet mużikali oħra li ġew esegwiti minn Saxophone Quartet iffurmat minn Mario Attard (Sax Alto); Patricia Refalo (Sax Alto); Joe Cini (Sax Tenur) u Robert Mallia (Sax Tenur). Il-Quartet li ġie mħarreġ mill-assitent surmast Mro Noel Beck, esegwew numru ta’ carols tal-Milied.

Fi tmiem il-programm, il-President tas-Soċjeta’ Filarmonika La Stella Paul Zammit u s-Sindku Dr Samuel Azzopardi,  għamlu kelmtejn tal-okkażjoni u taw l-awgurju tagħhom għal dawn il-festi. Il-programm intemm bid-daqq tal-Innu La Stella, l-Innu Lil Għawdex  u l-Innu nazzjonali. Il-programm ġie ppreżentat mis-sinjura Orietta Gatt.

ritratti: Tonio Schembri